Camilleri bi protest ġudizzjarju kontra Allied Newspapers

Read in English.

Il-ġurnalist Ivan Camilleri ssottometta fil-Qorti wieħed minn numru ta’ proċeduri legali kontra Allied Newspapers. Din il-kumpanija hija sid ta’ The Times of Malta u timesofmalta.com.

Kemm permezz ta’ stqarrija, kif ukoll permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, Camilleri qal li hu se jkun qed jisfida l-mod “illegali u irregolari” li bih tkeċċa mill-ġurnal. Camilleri tkeċċa minn Allied Newspapers wara li artiklu fuq MaltaToday qal li Camilleri kien ikkomunika ma’ Yorgen Fenech dwar allegata tip-off lejliet meta Fenech ipprova jaħrab mix-xatt ta’ Portomaso.

Today, through my lawyers, I’ve filed in court the first of a series of legal procedures against Allied Newspapers –…

Posted by Ivan Camilleri on Thursday, March 5, 2020

Waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Fenech fil-Qorti, kien issemma “ġurnalist” mingħajr ma ħareġ l-isem. Fenech bħalissa qed jiġi akkużat li kien kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Camilleri kien ċaħad l-allegazzjonijiet li hu kien ikkomunika ma’ Yorgen Fenech. “Allied Newspapers iffabbrikat stejjer dwari biex twassal għall-intenzjonijiet tagħha,” qal Camilleri.

Fil-post tiegħu fuq Facebook, il-ġurnalist qal li l-fatti kollha li kienu inklużi fl-isfidi ġudizzjarji varji se jkunu msaħħa minn evidenza dokumentata, b’ħafna minnha mhux pubblikata, li se tiżvela l-verità. Ivan Camilleri rringrazzja lil dawk kollha li ssaportjaw il-kawża u kkonkluda billi qal li dawk li fasslu pjanijiet kontrih jew “jaffaċjaw iċ-ċirkustanzi jew jgħalqu ħalqhom”.