Cameron iwissi li immigranti illegali se jintbagħtu lura

"Ir-Renju Unit mhix ġenna sigura għall-immigranti, u dawk li jaslu fil-pajjiż b’mod illegali se jkunu mġiegħla jitilqu”.
Hekk wissa l-Prim Ministru Ingliż David Cameron hekk kif l-Ingilterra ffaċċjat it-tielet lejl konsekuttiv ta’ ħidma bla preċedent mill-uffiċjali tal-ordni kontra l-immigrazzjoni illegali qawwija mill-mina li tgħaqqad lill-Ingilterra ma’ Calais fi Franza, l-għada li raġel spiċċa mgħaffeġ minn trakk u maqtul.
Skont ċifri ppubblikati mill-BBC, din il-ġimgħa weħidha kien hemm 3,500 persuna li ppruvaw jidħlu fit-terminal tal-mina u mijiet oħra sabu reżistenza mill-Pulizija Franċiża, wara li anke dawn riedu jidħlu fit-terminal.
Ir-Renju Unit bagħat iktar Pulizija lejn Calais hekk kif qed jissaħħu l-mezzi ta’ kif jiġu mblukkati l-immigranti illegali.
Ħafna minnhom ikunu qasmu diversi pajjiżi fl-Afrika qabel jidħlu fi Franza u mbagħad jippruvaw jaqsmu lejn l-Ingilterra.
L-immigrazzjoni hi waħda mill-ġlidiet tal-Gvern ta’ Cameron, speċjalment fuq livell Ewropew.