Cameron hedded li jagħlaq il-BBC wara l-elezzjoni

L-istazzjon tal-BBC jista' jagħlaq minħabba storja li ġiet irrappurtata f'Mejju li għadda. 
Jidher li waqt il-kampanja elettorali fir-Renju Unit għall-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron hedded li kien lest jagħlaq il-BBC wara l-elezzjoni minħabba storja li kienet ħarġet il-BBC stess.
Dan ir-rapport sar minn editur Nick Robinson, li qal li waqt li Cameron kien mal-ġurnalisti fuq karozza tal-linja li kienet qed tintuża mill-partit konservattiv waqt il-kampanja elettorali, Cameron allegatament stqarr li se jagħlaq il-BBC.
Robinson qal li ma kienx ċert jekk din kinitx ċajta jew le, iżda żied jgħid li t-theddida xorta ħolqot biża' kbira fost ix-xandara.
It-theddida saret minħabba storja dwar allegat konversazzjoni bejn Cameron u l-eks Deputat Prim Ministru Nick Clegg.
Mistoqsi jekk Cameron vera riedx jagħlaq il-BBC, sors qrib l-uffiċċju tal-Prim Ministru ċaħad l-allegazzjonijiet.
Diversi uffiċjali għolja fil-partit konservattiv ikkritikaw lill-BBC billi qalu li għandha atteġġjament li jegħleb lejn politika xellugija.
Fil-ktieb tiegħu Nick Robinson’s Election Notebook, il-ġurnalist kiteb li għalkemm Konservattivi oħrajn heddu lill-BBC fil-passat, it-theddida kellha iktar piż jekk kienet ġejja mill-Prim Ministru.