Cambridge Analytica tagħlaq għax ħadd ma baqa’ jinnegozja magħha

Il-kumpanija ta’ konsultazzjoni politika, Cambridge Analytica, ħabbret li se tagħlaq wara li qalet li l-iskandlu tad-dejta tal-Facebook prattikament gerrex lil kull klijent u fornitur li kellha.
Fl-aħħar xhur Cambridge Analytica kienet f’nofs tempesta ta’ akkużi, wara li eksimpjegat tagħha, Chris Wylie, li llum hu whistleblower, kien kixef li l-kumpanija użat dejta minn madwar 50 miljun profil ta’ Facebook sabiex tinfluwenza elezzjonijiet ewlenin, u dan kollu mingħajr il-kunsens tal-utenti.
Aktar tard intqal li aktarx intużaw aktar minn 80 miljun profil, mingħajr il-kunsens, u dan biex jipu infulwenzati elezzjonijiet ewlenin madwar id-dinja, fosthom il-Brexit u l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti.
Kienet tkellmet ukoll eksdirettriċi ta’ Cambridge Analytica, Brittany Kaiser, li kkonfermat li l-kumpanija kienet ħasslet, fi kliemha, “strateġija ddettaljata ferm” lil Leave.eu, l-organizzazzjoni li kellha sehem ewlieni biex influwenzat l-opinjoni fir-Renju Unit biex għadda l-vot ta’ Brexit.
Swar il-każ Marc Zuckerberg, fundatur ta’ Facebook, kien anki ntalab jixhed quddiem il-Kungress Amerikan, u l-Kumitat tal-Kummerċ fl-Istati Uniti.
Sadanittant, kelliem għall-kumpanija qal li l-investigazzjoni interna li kienet ġiet skattata xorta se tibqa’ għaddejja flimkien mal-awtoritajiet kompetenti.
Dan l-aħħar, ġurnalist ewlieni kien ikkonkluda li Cambridge Analytica u Henley&Partners, il-kumpanija li timmaniġġja l-iskema tax-xiri tal-passaport b’investiment f’Malta, ħadmu flimkien b’manuvri illeċiti fl-elezzjonijie ta’ pajjiżi żgħar.
Fir-ritratt: Isem il-kumpanija diġà tneħħa minn dan l-uffiċċju f'Londra