“Cambridge Analytica forniet strateġija ddettaljata ferm lil Leave.eu”

Eksdirettriċi ta’ Cambridge Analytica kkonfermat li l-kumpanija kienet ħasslet, fi kliemha, “strateġija ddettaljata ferm” lil Leave.eu, l-organizzazzjoni li kellha sehem ewlieni biex influwenzat l-opinjoni fir-Renju Unit biex għadda l-vot ta’ Brexit.
Fl-ewwel intervista televiżiva mindu x-xahar li għadda tkellmek mal-ġurnal The Guardian, Brittany Kaiser stqarret li l-kumpanija kienet qabbditha tagħmel studju għal Leave.eu fiż-żmien ta’ qabel ir-referendum, u dan bħala parti mix-xogħol li kellha relatat mal-iżvilupp tan-negozju.
Madankollu, lill-BBC Radio 4, Kaiser qalet li Cambridge Analytica qatt ma rrikordjat bi tranżazzjoni li turi li d-dejta miġbura saret f’isem l-organizzazzjoni Leave.eu.
Il-mara mistennija tidher aktar tard illum quddiem kumitat ta’ inkjesta dwar aħbarijiet foloz u miżinformazzjoni.
Cambridge Analytica dejjem ċaħdet li ħadmet fuq ir-referendum fir-Renju Unit, iżda ammettiet li għaddiet informazzjoni lil Leave.eu u gruppi oħra favur il-Brexit, bħal Vote Leave, iżda qalet li tkellmet ukoll ma’ gruppi kontra l-Brexit.
Kaiser tat dettalji dwar l-istudju psikografiku li tqabbdet tagħmel, jiġifieri studju li jħares lejn il-personalita tan-nies li jistudja sabiex jifformula gruppi ta’ individwi b’raġunijiet speċifiċi għaliex riedu jew ma ridux li r-Renju Unit iħalli lill-Unjoni Ewropea.
“Il-biċċa l-kbira tal-kampanja ħadet ħsiebha l-kumpanija, li forniet informazzjoni li l-gruppi politiċi setgħu iqabbluha, jilagħbu biha u jibnu mudelli ta’ gruppi ta’ nies. B’hekk b’din l-informazzjoni setgħu jkunu jafu aktar bi preċiżjoni fejn u lil min iwasslu l-messaġġ tagħhom”, qalet l-eksdirettriċi.
Mistoqsija għala telqet mill-kumpanija f’Jannar li għadda, Kaiser wieġbet li rriżenjat għax ma tawhiex promozzjoni.
L-iskandlu ta’ Cambridge Analytica ħareġ fil-beraħ minn eksimpjegat, li issa hu whistleblower, Chris Wylie, li qal li l-kumpanija użat dejta minn madwar 50 miljun profil ta’ Facebook sabiex tinfluwenza elezzjonijiet ewlenin, u dan kollu mingħajr il-kunsens tal-utenti.