Calabria: Il-Madonna tal-Grazzja “tqim” kap tal-Mafja

Kontroversja kbira f’Calabria hekk kif waqt purċissjoni tal-Madonna tal-Grazzja, ir-reffiegħa tal-vara waqqfu quddiem id-dar ta’ wieħed mill-kapijiet tal-Mafja.
Peppe Mazzagatti li għandu 82 sena, qed jiskonta s-sentenza ta’ għomor il-ħabs fid-dar tiegħu minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Malli r-reffiegħa wasslu quddiem id-dar ta’ Mazzagatti, ir-reffiegħa waqqfu u baxxew l-istatwa bħala sinjal ta’ rispett.
Dan il-ġest niżel qares mal-kmandant tal-Carabinieri li malli ra l-istatwa titbaxxa quddiem id-dar ta’ Mazzagatti abbanduna l-purċissjoni biex ma jkollux x’jaqsam ma’ dak is-sinjal.
Intant kienu ħafna r-reazzjonijiet. Fost dawn tkellem il-Ministru tal-Intern Angelino Alfano li kkundanna dan l-aġir u faħħar lill-Carabinieri li dak il-ħin telqu l-purċissjoni.
Dan ġara ħmistax wara li l-Papa Franġisku tkellem kontra l-mafja u skomunika lil dawk kollha li jkollhom x’jaqsmu magħha.