“Ta’ kollox kien jagħmilha Dun Karm”

Read in English.

Il-klassijiet u l-iskejjel huma bejta ta’ ċajt, avventuri u praspar li jsiru bejn l-għalliema, bejn l-istudenti infushom u bejn l-għalliema u l-istudenti. Barra minnhekk kultant l-istudenti joħorġu b’risposti li qatt f’mitt sena ma tkun qed tistennihom! 

U donnu aktar ma jkun serju s-suġġett aktar ir-risposti jkunu oriġinali u lil hinn mir-risposta t-tajba. Ċajt ta’ Klassi u battuti oħra hu ġabra ta’ aktar minn 270 anedottu, praspura u ċajta li ġraw veru bejn l-erba’ ħitan tal-klassijiet u fl-istaff rooms tal-iskejjel.

Bertram Portelli ġabar dawn il-praspar fi ktieb ippubblikat minn Kite Group u li tnieda nhar il-Erbgħa li għaddew f’attività li saret propju f’lecture room fil-Junior College. Waqt it-tnedija pparteċipaw ukoll Ron Briffa li anima għadd ta’ praspar u Trevor Zahra li dan il-ktieb jinkludi wkoll avventuri li kien involut fihom hu. Għal min jaf lil Trevor, jaf li l-praspar jidħol għalihom bil-ħobż u l-ġobon u f’dan il-ktieb jirrakonta wħud minnhom. Il-qoxra tal-ktieb hi illustrazzjoni li fiha jidher Trevor Zahra b’ħabel f’idu! Kien x’qed jagħmel? Fejn kien sejjer bil-ħabel?

Il-qarrejja ta’ dan il-ktieb se jiltaqgħu ma’ personalitajiet televiżivi u xandara li huma wkoll għalliema. Il-ktieb fih 30 illustrazzjoni li saru minn Mark Schembri. Ċajt ta’ Klassi jingħaqad mas-sensiela ta’ kotba umoristiċi ppubblikati fl-aħħar snin minn Kite Group u li kienu dwar il-politiċi, ir-reliġjużi, l-isportivi, professjonisti mill-qasam tas-saħħa u l-avukati. Issa kien imiss lill-għalliema.

Kopji tal-ktieb jistgħu jinkisbu minn fuq kitegroup.com.mt jew inkella mill-Festival tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt li se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 10 ta’ Novembru.