Ċaħda li Boris Johnson se jirriżenja minħabba l-coronavirus

Read in English.

Kelliema għal Downing Street kellhom jiċħdu dikjarazzjonijiet li Boris Johnson se jirtira mir-rwol ta’ Prim Ministru fi żmien sitt xhur minħabba problemi rikorrenti tas-saħħa kkawżati mill-coronavirus, skont rapport tal-gazzetta The Independent.

Aktar kmieni fil-ġurnata, Johnson għamel stqarrija dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fir-Renju Unit.

“Diġà tkellimt dwar l-obbligu morali li nerġgħu niftħu l-iskejjel għall-istudenti kollha b’mod sigur, u nixtieq nirringrazzja lil kull min jaħdem fi skola għall-ħidma tagħhom matul ix-xhur tas-sajf sabiex jiżguraw li l-klassijiet ikunu siguri f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-Covid, bi tħejjija għal ritorn sħiħ f’Settembru”, spjega Johnson.

Johnson qal li d-deċiżjonijiet tagħhom dejjem kienu mmexxija mill-pariri ta’ esperti mediċi, u issa għandhom ħafna aktar informazzjoni dwar il-coronavirus milli kellhom fil-bidu tas-sena. Huwa spejga li r-riskju li t-tfal jieħdu l-infezzjoni tal-Covid-19 mill-iskejjel huwa żgħir ħafna, u t-tfal se jsofru ħafna aktar problemi għall-iżvilupp, is-saħħa u l-benesseri tagħhom jekk jibqgħu ‘l bogħod mill-iskola.

“Huwa għalhekk li hija ta’ importanza kruċjali li t-tfal jerġgħu lura lejn il-klassijiet tagħhom biex jitgħallmu u jiltaqgħu mal-ħbieb tagħhom. Xejn mhu se jkollu effett akbar fuq il-ħajja tat-tfal tagħna mill-fatt li jirritornaw lura lejn l-iskola”, spjega Johnson.

Missier il-mara ta’ Dominic Cummings, uffiċjal viċin tal-Prim Ministru Johnson, ġie rrappurtat li qal lil persuna oħra li s-Sur Johnson kien għadu jbati minn problemi tas-saħħa minħabba l-Covid-19, meta kellu jkun rikoverat fil-kura intensiva matul ix-xahar ta’ April. F’messaġġ bil-vidjo wara li ħareġ mill-isptar, il-Prim Ministru, li kien viżibbilment dgħajjef wara l-infezzjoni, qal li ma kien hemm ‘l-ebda dubju’ li l-ħaddiema tal-NHS kienu salvawlu ħajtu f’perjodu meta s-sitwazzjoni ‘setgħet kellha riżultat differenti ħafna’.

Skont The Times, Sir Humphry Wakefield qabbel lill-Prim Ministru ma’ żiemel li reġa’ lura għax-xogħol kmieni wisq wara perjodu ta’ mard, meta qal lil Anna Silverman, persuna li żaritu f’daru, Chillingham Castle f’Northumberland: “Jekk tieħu żiemel lura għall-ħidma meta jkun għadu ferut, qatt ma jirkupra.”

Imma kelliem għal Number 10 qal li din hija ‘qlajja’’, u li mhux vera li l-impatt tal-infezzjoni kienet se twassal biex il-PM jirtira mill-pożizzjoni tiegħu qabel iż-żmien.

Ir-rapport wasal fi żmien meta Johnson qed jaffaċċja talbiet biex iżid l-appoġġ għal dawk li qed isofru minn l-hekk imsejjaħ “long Covid”, persuni li qed isofru minn effetti debilitanti fit-tul, ġimgħat jew xhur wara li dehru li kienu rkupraw mill-infezzjoni inizjali tagħhom tal-coronavirus.