Cafè Premier: “Minn kontroversja politika għal suċċess; xorta tebgħa tal-Gvern” – Agius

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius sejjaħ il-proġett tal-binja ta’ Café Premier bħala suċċess meta kien qed jattendi għall-ftuħ tagħha bħala l-uffiċini l-ġodda tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Huwa żied jgħid li xorta waħda tibqa’ tebgħa għall-Gvern “għax l-affarijiet ħżiena marbuta ma’ din il-kontroversja baqgħu ħżiena”.
Agius qal li l-kritika tal-Oppożzizzjoni tibqa’ ssir iżda jgħid li f’dan il-proġett “għall-inqas wasalna” biex il-binja tingħata lir-residenti.
Saħaq li minn kontroversja l-Oppożizzjoni rnexxielha tieħu l-aħjar li tista’ għaċ-ċittadini.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista reġa’ saħaq li l-iskandlu tal-ftehim maħmuġ tal-Café Premier ”jibqa’ tebgħa li ma titħassarx” fuq il-Gvern.
Sostna li l-Partit Nazzjonalista “kien, għadu u jibqa’ kontra l-bail out” tal-Café Premier bi flus il-poplu filwaqt li saħaq li dak li kien ħażin qabel l-elezzjoni ma sarx tajjeb wara u ma jithassar bl-ebda azzjoni oħra.
Il-PN jgħid li issa li l-proprjetà ġiet f’idejn il-Gvern, il-Partit Nazzjonalista m'huwiex kontra li dan is-sit jiġi użat mill-Kunsill Lokali tal-Belt. Spjega wkoll li l-Beltin kif ukoll il-mijiet ta’ persuni oħra li jfittxu s-servizzi tal-Kunsill Lokali tal-Belt jixirqilhom post adekwat.
Għall-inawgurazzjoni ta' dan il-proġett, li sar b'investiment ta' €330,000, kien hemm il-Ministru għall-Kunsilli Lokali Owen Bonnici u s-Sindku tal-Belt Alexei Dingli. ​
Il-Ministru Bonnici qal li l-proġett tlesta fil-ħin skont kif imwiegħed. Qal ukoll li xogħlijiet se jkomplu biex din il-binja taqdi aħjar lill-pubbliku.
Is-Sindku tal-Belt qal li l-Kunsill Lokali se jibda jopera minn dan il-post mix-xahar id-dieħel.
Fl-istqarrija, il-Gvern qal li x-xogħol kollu fuq il-binja sar mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Gvern Lokali. 
Apparti l-uffiċini tal-amministrazzjoni, il-binja tipprovdi wkoll żewġ swali kbar li fihom jistgħu jittellgħu diversi attivitajiet u laqgħat mill-kunsill lokali u mill-għaqdiet tal-lokalità. Dan ix-xogħol kollu hu turija ċara tal-impenn tal-Gvern biex il-komunità tingħata dak li ħaqqha.
L-istqarrija tgħid ukoll li immedjatament se tinbeda t-tieni fażi tal-proġett li tikkonsisti fil-Berġa tas-Saħħa, li issa se tkun aktar ċentrali u spazjuża minn dik li hemm bħalissa f’Evans Building. Se jinbeda wkoll xogħol li se jsir flimkien mal-Malta Libraries biex isir lift pubbliku li mill-bini jagħti għal-Librerija Nazzjonali. Se jkun hemm ukoll librerija lokali minflok dik li hemm bħalissa fl-iskola primarja biex b’hekk jingħata servizz aħjar u b’għażla aktar wiesgħa ta’ kotba għar-residenti u għall-pubbliku.