CABS u l-Pulizija jeħilsu 68 gamiema f’Għawdex

68 gamiema nħelsu lbieraħ f’Għawdex wara li nstabu f’ħames nases kbar għall-insib f’żona żgħira bejn ix-Xagħra u Marsalforn.
51 gamiema nħelsu fil-beraħ ilbieraħ stess waqt li l-bqija ttieħdu għall-kura.
Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qal li l-ħidma saret f’operazzjoni konġunta mal-Pulizija t’Għawdex, li faħħar għall-immedjatezza tagħha, u sostna li l-għasafar nqabdu biex jinbiegħu inkella biex jintużaw mill-kaċċaturi biex jattiraw għasafar oħra fl-istaġun tal-kaċċa.
Il-Kumitat irrefera għall-fatt li n-nases kbar instabu f’żona żgħira li kienet viżibbli minn barra u appella għal iktar tfittxijiet mill-awtoritajiet biex jinstabu oħrajn li aktarx jeżistu fil-kampanja, f’postijiet iktar moħbija.
Il-Kumitat semma wkoll każ ta’ kaċċatur li kien qed jikkaċċja qrib tad-djar fil-Għargħur u li dwaru sar rapport lill-Pulizija, l-istess kif sar dwar kaċċatur ieħor li waqt it-tfittxija tal-ewwel persuna, beda jgħajjar lill-membri tal-Kumitat.