CABS tirraporta insib illegali f’Għawdex

Volontiera tal-CABS, il-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar, qabdu raġel li kien qed jonsob it-tajra magħrufa bħala l-Birwina. Huwa nqabad jagħmel dan permezz ta’ nett, f’San Raflu, Għawdex.

L-istess volontiera qabdu lir-raġel f’filmat li juri r-raġel liebes blu, jonsob dan l-għasfur għal ħabta tat-8:15am. Ftit qabel ma waslu l-pulizija, ir-raġel irċieva telefonata u beda jħafef biex iżarma n-nett. Malli ra li l-pulizija kienet kważi waslet, ir-raġel ħarab.

In-nett kien fiha mal-50 metru. Hu mifhum li r-raġel kien qed juża għasafar oħra bħala trappola. B’kollox instabu sitt gaġeġ b’seba’ għasafar fihom.

Iktar tard ir-raġel ġie identifikat u ittieħed minnufih fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex. 

Il-CABS irraportat ukoll każ ieħor, din id-darba fil-Buskett, qrib il-Palazz tal-Verdala.