CABS tibda ħidma kontra l-kaċċa illegali mill-ġimgħa d-dieħla

Il-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar, il-CABS jinsab sodisfatt bl-aħbar tal-Gvern li aktar minn 100 uffiċjal tal-pulizija, se jkunu qed jindirizzaw il-kaċċa illegali fil-Ħarifa.

Il-President tal-CABS Heinz Schwarze qal li t-Taqsima tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva tal-pulizija fl-aħħar ġiet rinfurzata.

Il-kumitat jittama li dan iwassal għal azzjoni aktar proattiva kontra l-kaċċa illegali.

L-organizzazzjoni faħħret ukoll ix-xogħol professjonali tal-ALE u l-pulizija ta’ Għawdex li wasslet biex fil-ġimgħat li għaddew ġew arrestati diversi persuni b’rabta ma’ każijiet ta’ qtil ta’ fjamingi.

Il-CABS ħabbret ukoll li l-operazzjoni min-naħa tagħha se tibda nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Settembru.

Din il-ħarifa aktar minn 40 voluntier minn disa’ pajjiżi se jkunu qed jipparteċipaw f’kampijiet f’Malta u Għawdex.

L-għan ewlieni tat-timijiet tal-CABS hija preżenza permanenti f’siti importanti biex jitwaqqaf il-qtil ta’ speċi protetti.