Ċemplulu u qalulu li ħadu żball u fil-fatt kien pożittiv għall-Covid-19

6 ħaddiema tas-CPD f’Għawdex pożittivi; 9 kwarantina

Gozo Fire Station

Read in English.

Sitt ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex jinsabu pożittivi għall-coronavirus, filwaqt li disa’ oħra jinsabu kwarantina. Dan wara li l-awtoritajiet ħadu żball meta lil ħaddiem minnhom qalulu li negattiv għall-Covid-19 iżda wara ċemplulu u qalulu li żball minħabba li t-test irriżulta pożittiv.

L-għadd ta’ każijiet fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Ministeru għall-Intern li spjegat li kull min instab jew kien infurmat li hu pożittiv ma daħalx għax-xogħol. Żiedet tgħid li kemm ilha li feġġet il-Covid-19, il-ħaddiema tas-CPD f’Għawdex bdew jaħdmu minn żewġ stazzjonijiet.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li din l-imxija fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex bdiet meta wieħed mill-pumpiera, li kellu s-sintomi, għamel it-test tal-Covid-19 darbtejn u qalulu li kien negattiv, u għaldaqstant il-pumpier reġa’ mar ix-xogħol. Madanakollu, qalu l-istess sorsi, waqt li kien xogħol irċieva telefonata mill-awtoritajiet tas-saħħa pubbliku, li qalulu li ħadu żball u li hu kien pożittiv. Infurmati wkoll li l-vetturi tat-tifi tan-nar ġew iffumugati dakinhar stess.

Għadd ta’ pumpiera li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt ilmentaw fuq nuqqas ta’ contact tracing relatat ma’ dan il-każ. Dan il-każ seħħ ftit jiem wara li l-Prim Ministru Robert Abela qal li kollox jinsab taħt kontroll.