Bżonn urġenti li tieqaf l-esplojtazzjoni tal-fqar

Il-Papa jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Pro Petri Sede. (Vatican Media)

Fl-aħħar jiem il-Papa għamel appell għad-difiża u l-protezzjoni tal-persuna umana u favur id-Dar Komuni tagħna. “Il-persuna umana dejjem għandha tkun protetta u difiża fl-integrità u d-dinjità tagħha, hi min hi u hi x’inhi”.

Il-Papa għamel dan l-appell f’laqgħa li kellu fil-Vatikan, ma’ 51 membru ta’ dik li hi magħrufa bħala l-Assoċjazzjoni  “Pro Petri Sedem”.

Din l-Assoċjazzjoni li hi attiva ħafna fil-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu tiġbor fondi għal attivitajiet li jkun jixtieq jagħmel il-Papa u s-Santa Sede.

Papa Franġisku qal lil dawn il-membri li “intom tipparteċipaw fl-azzjoni missjunarja tal-Knisja li tiġġieled għall-iżvilupp integrali uman ta’ kull persuna”.

Kultura tal-ħala

Fil-ġlieda sfrenata għall-ġid, karriera, unur jew poter, id-dgħajjfa u l-imsejknin kultant jintesew u jitwarrbu, qal il-Papa.

“Fil-ferneżija ta’ ġiri biex niksbu kollox issa”, ilmenta l-Papa, “kulmin jibqa’ lura jitqies bħala tfixkil”. B’hekk ħafna xjuħ, trabi mhux mitwielda, persuni b’diżabilità u foqra huma meqjusa bħala ħela u bla ebda użu.

 Din hi r-raġuni għaliex l-għażla preferuta tal-Knisja hi favur il-fqar u tiddependi fuq nies ta’ rieda tajba, imsaħħa mill-Evanġelju, biex twassal il-paċi u l-ferħ ta’ Kristu Rxoxt lil kull persuna li hi fil-bżonn.

Il-Papa qal li b’dan il-mod, il-Pro Petri Sedem bil-kontribut karitetevoli tagħha għall-ħajja tal-Knisja, issir il-melħ u d-dawl li jagħti lil ħafna nies it-togħma tal-ħajja.

Il-karba tal-fqir

Filwaqt li rringrazzja lill-grupp għall-appoġġ li jagħti lis-Suċċessur ta’ Pietru, il-Papa tkellem dwar l-isfidi li qed jolqtu lill-familja umana u d-dar komuni tagħha. Il-karba tan-nies li qed isofru, speċjalment minħabba gwerer, oħrajn li jkollhom jaħarbu minn djarhom, faqar jew il-qrida tal-ekosistema, hi ta’ tħassib kbir għalih.

“Hemm bżonn urġenti li tieqaf l-esplojtazzjoni tal-ifqar fost il-fqar! Hemm bżonn urġenti li jieqfu l-atroċitajiet f’dawk il-pajjiżi fejn hemm gwerrer u kunflitti li qed iwasslu ħafna nies biex jeżiljaw ruħhom minn arthom”.

Konverżjoni ekoloġika

Il-Papa Franġisku nsista b’mod partikolari fuq il-bżonn li “nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna”, u appella mill-ġdid għal konverżjoni ekoloġika. Ix-xhieda nisranija tal-Assoċjazzjoni “Pro Petri Sedem”, permezz tal-ġenerożita lejn l-oħrajn, “tistieden lilna lkoll biex niġġieldu kontra l-klima ġenerali ta’ individwaliżmu, egoiżmu u indifferenza li huma ta’ theddida kemm għall-paċi fost il-poplu u anke għall-ambjent”.

Il-Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lill-membri ta’ din l-Assoċjazzjoni biex jibqgħu sodi fil-fidi u l-konvinzjonijiet tagħhom u jservu ta’ fjamma li ġġib it-tama fil-qlub tal-bnedmin.