“Bżonn urġenti li jinqerdu l-korruzzjoni u l-faqar fil-Malasja”

Il-poplu jiċċelebra Jum il-Malasja

Il-Gvern Malasjan għandu jimpenja ruħu li jagħmel liġijiet u jimplimenta politika mmirata biex teqred il-korruzzjoni u l-faqar mis-soċjetà.

Dan l-appell għamlitu l-Federazzjoni Kristjana tal-Malasja bi preparazzjoni għal “Jum il-Malasja” li jkun iċċelebrat fis-16 ta’ dan ix-xahar biex ifakkar it-twelid tal-pajjiż. Il-Federazzjoni ispirata mill-valuri nsara taħdem biex il-pajjiż ikun wieħed ta’ armonija, paċi, opportunitajiet indaqs, ugwaljanza u prosperità għal kulħadd.

“Iċ-ċittadini Malasjani jistinkaw biex jibnu pajjiż magħqud kif immaġinawh missirijiethom. Tinħass aspettattiva li l-Malasja hi tassew pajjiż fejn il-poplu jista’ jgħix flimkien fil-prosperità,” qalet il-Federazzjoni.

Il-Federazzjoni li hi korp ekumeniku tiġbor fiha il-Kunsill tal-Knejjes, il-Christian Evangelical Fellowship u l-Konferenza Episkopali tal-pajjiż.

Fil-messaġġ tagħha l-Federazzjoni tħeġġeġ għal talb “għall-uffiċjali tal-Gvern u l-mexxejja ta’ gvernijiet lokali” u tistieden lill-insara biex jitolbu ħalli “l-Oppożizzjoni taqdi rwol kredibbli biex tikkontrolla l-azzjonijiet tal-Gvern”. Titlob biex “jitpoġġew fil-ġenb id-differenzi u ssir ħidma flimkien biex ikun hemm il-paċi, l-armonija u l-prosperità għal kulħadd.

L-Arċisqof Julian Leow qal: “Resqin lejn din il-kommemorazzjoni bi gratitudni għall-elezzjonijiet paċifiċi li kellna u t-tranżizzjoni kwieta tal-poter. Nirringrazzjaw ‘l Alla għall-ħniena tiegħu u nitolbuh ibierek lil pajjiżna b’tama ġdida”.

“Nitolbu biex membri tal-Oppożizzjoni jgħinu biex tinbena sistema fl-ispirtu tal-prinċipju tal-qsim tar-responsabbiltajiet, u jpoġġu fil-prattika l-manifest għall-ġid tal-Malasjani kollha,” żied l-Isqof.

F’appell “biex tkun mirbuħa l-korruzzjoni li twassal għar-rovina ta’ kull pajjiż”, Mons. Leow wera t-tama li “l-Gvern jimxi b’mod ġust u ma jfittixx il-vendetta politika fuq il-partitarji tal-Gvern preċedenti. Il-Malasja għandha bżonn tibni demokrazija matura fejn ma jkunx hemm biża’ ta’ tpattija kull darba li jkun hemm bidla fil-Gvern”, qal l-Arċisqof.

Il-poplu tal-Malasja laqa’ bil-ferħ it-tneħħija tat-taxxa fuq prodotti u servizzi li tneħħiet biex ittaffi d-diffikultajiet ta’ dawk bi dħul baxx jew medju. Iżda “fadal ħafna aktar xi jsir biex tinbena mill-ġdid l-ekonomija”, qal l-Arċisqof filwaqt li nnota li “it-tħassir ta’ proġetti estravaganti li kienu ppjanati hu bidu tajjeb, iżda hemm bżonn urġenti ta’ reviżjoni tal-politika fir-rigward tal-foqra u dawk fil-bżonn ġejjin minn diversi gruppi etniċi u reliġjonijiet, biex tinbena soċjetà ġusta”.

Hu fakkar fil-kundizzjoni ta’ faqar estrem li fiha jgħixu l-popli indiġeni bħalma huma l-Penan u l-Orang Asli u l-foqra li jgħixu fil-bliet u ħeġġeġ biex tieqaf id-differenza tal-mistħija bejn is-sinjur u l-fqir. Appella biex il-poplu jinsa d-differenzi u kulħadd jaħdem flimkien għall-bini mill-ġdid tan-nazzjon fil-paċi, l-armonija u l-ġid għal kulħadd.