​”Bżonn trasparenza meta art pubblika tingħata lill-privat” – Delia

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li Malta għandha art li hija limitata u għalhekk irid isir ippjanar fit-tul biex isir l-aħjar użu minnha għall-ġid tas-soċjetà.
Huwa qal dan f’laqgħa li kellu ma’ rappreżentanti tal-Għaqda Maltija tal-Iżviluppaturi l-MDA.
Matul il-laqgħa, Adrian Delia sostna li meta art pubblika tingħata lill-privat, irid ikun hemm proċess aktar trasparenti. Semma kif mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista diġà qed iwassal għall-bidla fis-soċjetà bħalma qal ġara fil-każ tal-pensjonijiet tal-membri parlamentari.
Fl-istess waqt, sostna li l-PN qed jaħdem biex jissolvew problemi fil-kirjiet u jrid jassigura li l-iżvilupp ma jitqiesx iktar bħala kunflitt mal-ħarsien tal-ambjent.
Tkellem ukoll il-President tal-MDA Sandro Chetcuti li qal li s-settur tal-kostruzzjoni joffri x-xogħol lil 37,000 persuna u qal li lest jaħdem mal-Oppożizzjoni għall-ġid ta' din l-industrija.