Bżonn tkabbir ekonomiku imma mhux a skapitu tal-ambjent – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li filwaqt li għandna bżonn it-tkabbir ekonomiku u l-kapaċità li “ndawru r-rota”, dan m’għandux isir a skapitu tal-ambjent.

F’messaġġ awdjoviżiv li xxandar waqt l-ewwel business breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt, Mons. Scicluna sostna li l-ambjent maħluq, l-ambjent rurali u l-ambjent pajsaġġistiku, jagħmlu l-identità tagħna dik li hi.

Irrimarka li l-ekonomija fiha nnifisha tfisser li wieħed ikun amministratur fidil u tajjeb u li jekk irridu nieħdu ħsieb xulxin bħala bnedmin, irridu bilfors nagħtu kas ħafna lill-ambjent, kemm dak maħluq kif ukoll dak mibni.

B’referenza għall-kitba tal-Papa Franġisku fl-enċiklika soċjali tiegħu Laudato Si, Mons. Scicluna enfasizza dwar l-importanza tal-kelma sobrjetà. Fisser li s-sobrjetà hija wkoll ir-ruħ tas-sostenibilità.

L-Arċisqof stqarr li l-ambjent hu parti integrali mill-patrimonju tagħna u garanzija ta’ ħajja bi kwalità għolja, fi kliemu, ħajja li hi kwalitattivament verament umana. Temm jistaqsi jekk l-ekonomija hux qed tgħinna nagħmlu dan.

Il-kelliema ewlenin waqt il-business breakfast bit-tema “Ekonomija vs Ambjent” huma l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar u l-Proprjetà Marthese Portelli, l-ekonomista Gordon Cordina, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) Sandro Chetcuti u Martin Sapiano, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma. Immodera dan il-business breakfast Jesmond Saliba.