Bżonn tissaħħaħ il-liġi tal-video conferencing fil-qasam tal-ippjanar – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex iwettaq dak li jipprietka, jisma’, u jsaħħaħ il-liġi li qed tintroduċi l-video conferencing fil-qasam tal-ippjanar.

Fi stqarrija, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar stqarr li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista b’sodisfazzjon tinnota d-deċiżjoni tal-Gvern “fejn laqa’ l-proposta biex proċedimenti dwar deċiżjonijiet fuq l-ippjanar, jinstemgħu permezz tal-video conferencing, mhux biss bħalissa fejn aħna mxekklin bl-imxija ta’ COVID-19, iżda wkoll għall-futur meta nerġgħu għan-normal”.

Dr Cutajar insista li l-video conferencing hija sistema li ilha ftit teżisti u hi adattata għaż-żminijiet bħal ta’ issa, fejn minħabba l-imxija ta’ COVID-19, “qed inkunu kostretti li ma niltaqgħux fiżikament”. Fakkar li fil-Parlament, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista vvutat favur il-liġi li introduċiet il-video conferencing.

Stqarr li dan però ma jnaqqas xejn mit-tħassib tagħha u oħrajn dwar kif il-Gvern qed jagħmel l-affarijiet. Spjega li dan għaliex il-Gvern irrifjuta li jaħtaf l-opportunità li jintroduċi l-faċilità b’liġi aktar ġusta biex tipproteġi aktar l-interessi tal-membri kollha tal-pubbliku, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar.

“Sabiex ittejjeb il-liġi, l-Oppożizzjoni pproponiet li l-użu tal-video conferencingisir bi qbil bejn il-partijiet kollha konċernati, biex min ma jafx juża jew m’għandux il-mezzi ma jkunx fi żvantaġġ”, kompla jgħid id-Deputat Għawdxi, filwaqt li ppropona li f’każ ta’ problemi fis-sistema, il-proċedimenti ma jibqgħux għaddejjin.