Bżonn tingħata aktar importanza lill-edukazzjoni bikrija – Dr Baldacchino

L-edukazzjoni bikrija jeħtieġ li tingħata aktar importanza. Dan qalitu l-President tal-Early Childhood Development Association of Malta (ECDAM), Dr Anna Baldacchino, waqt laqgħa mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista spjega kif din l-assoċjazzjoni volontarja tħaddan firxa ta’ stakeholders f’dan il-qasam u tinkludi letturi mill-Universita’ ta’ Malta, esperti fis-snin bikrin, uffiċjali edukattivi mid-dipartiment tal-edukazzjoni, childcare centre managers u childcare educators, senior leadership teams, għalliema fil-primarja u xi ġenituri wkoll.

Intqal li ECDAM qed titlob li tingħata aktar opportunità biex tipparteċipa fit-tfassil ta’ policies ġenerali u fid-deċizjonijiet li jittieħdu f’dan ir-rigward bħal fil-ftuħ mill-ġdid taċ-childcare centres u tal-iskejjel. Dr Baldacchino saħqet li l-ECDAM, b’għarfien kollettiv mingħand l-istakeholders fi ħdanha, qiegħda f’pożizzjoni unika u vantaġġjuża u b’hekk tista’ tkun ta’ siwi kbir meta jkunu jridu jittieħdu deċizjonijiet importanti f’dan is-settur.

Waqt id-diskussjoni, diversi membri tal-kumitat tal-ECDAM qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar kif is-settur jista’ javvanza ’l quddiem b’aktar komunikazzjoni u kollaborazzjoni bejn l-istakeholders u l-istituzzjonijiet involuti fis-settur tas-snin bikrin għall-ġid komuni tat-tfal. Permezz ta’ dan il-kontribut kollettiv tista’ titfassal viżjoni iktar ċara ta’ kif it-tfal żgħar jitgħallmu u jiżviluppaw u kif l-aħjar immexxu u nsostnu dan l-iżvilupp. L-ECDAM sostniet ukoll li permezz tal-kommunikazzjoni u kollaborazzjoni, il-preżenza u x-xogħol imprezzabli tal-edukaturi f’dan il-qasam joħroġ iktar fid-deher u l-professjonalità tagħhom tkun mogħtija r-rispett li jixraqilha.

Min-naħa tiegħu, Puli qal li “l-edukazzjoni bikrija hija kruċjali għaliex hi l-bażi tas-suċċess fl-edukazzjoni u l-ħajja ta’ kull individwu.”

L-Assoċjazzjoni Volontarja tal-ECDAM ilha mwaqqfa mill-1 ta’ April 2016 biex issaħħaħ l-għarfien tal-għalliema u l-ġenituri tat-tfal żgħar (0-7 snin). Il-kumitat tal-ECDAM huwa magħmul minn tmien membri: Dr Anna Baldacchino, Dr Charmaine Bonello, Ms Kathryn Xuereb, Ms Grace Izzo, Ms Chantelle Xuereb, Ms Juanita Sultana, Ms Josette Bezzina u Ms Pia Darmanin.