Bżonn tindifa sistematika fejn hemm il-korruzzjoni – Kamra tal-Kummerċ

Ir-rappreżentanti tas-settur privat ingħaqdu flimkien u appellaw biex ikun hemm tindifa sistematika fl-istruttura u l-uffiċini li huma implikati li ffaċilitaw il-korruzzjoni kemm b’mod attiv kif ukoll bl-azzjonijiet tagħhom.

Huma ppreżentaw lill-President ta’ Malta, dokument dwar il-governanza tajba fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika. Ir-rappreżentanti tas-settur privat li ngħaqdu flimkien huma l-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Assoċċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-GRTU u l-MHRA.

L-organizzazzjonijiet faħħru d-diskors li għamel il-President ta’ Malta fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika b’mod speċjali meta semma li Malta hija akbar mill-klikka li fl-aħħar ġimgħat kienet fuq l-aħbarijiet.

Żiedu li huwa ta’ għajb li wieħed jabbuża mill-poter tiegħu biex jippromwovi u jiffaċilita attività kriminali bl-iskuża li huwa favur in-negozju.

L-organizzazzjonijiet appellaw biex kull allegazzjoni tiġi investigata mingħajr biża’ jew dewmien u kull min jinstab ħati ta’ korruzzjoni jew prattika kriminali għandu jirrotorna l-flus fil-kaxxa ta’ Malta.

Huma reġgħu fakkru fit-tliet pilastri li fuqhom huwa msejjes it-twemmin tagħhom: it-trasparenza, il-kontabilità u s-saltna tad-dritt.