Read in English.
Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalet li hemm bżonn tim internazzjonali li jinvestiga l-qtil ta’ Caruana Galizia. Saħqet li qed tikber l-evidenza li qed turi li l-assassinju kien motivat mill-korruzjoni li kixfet.
Fi stqarrija l-Fondazzjoni qalet li l-aħbar li Yorgen Fenech daħħal il-miljuni minn negozju tal-Enemalta fi proġett f’Montenegro mill-kumpanija sigrieta tiegħu 17 Black tenfasizza l-bżonn ta’ Joint Investigation Team (JIT) mill-Europol.
Saħqet li l-investigazzjoni tar-Reuters u t-Times of Malta pprovdiet aktar evidenza li l-assassinju kien motivat bl-investigazzjoni ta’ Caruana Galizia fi skema ta’ tixħim bl-involviment ta’ uffiċjali tal-Gvern Malti, kumpaniji tal-istat, u negozji privati.
Il-fondazzjoni qalet li tilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-Pulizija tingħata aktar riżorsi jekk hemm bżonn.
Però żiedet tgħid li qatt ma kien daqstant ċar li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġijiet, li kkollassaw taħt il-korruzzjoni internazzjonali ta’ Yorgen Fenech, Konrad Mizzi, u Keith Schembri taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat, għandhom bżonn l-għajnuna.
Qalet li l-iskala tal-kriminalità li kixfet Caruana Galizia u dak li qed jikxfu l-ġurnalisti li komplew jibnu fuq ix-xogħol tagħha jista’ jiġi biss investigat sew b’tim internazzjonali li mhux ristrett bi fruntieri nazzjonali.
Yorgen Fenech għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta.
Din l-informazzjoni ħarġet permezz ta’ investigazzjoni konġunta bejn Stephen Grey minn Reuters u Jacob Borg mit-Times of Malta.
Fix-xhur qabel inqatlet, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga l-kumpanija 17 Black, li wara l-assassinju tagħha, sar magħruf li sidha kien Yorgen Fenech. F’Novembru li għadda, huwa ġie arrestat hu u jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu. Bħalissa qed tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih, peress li hu suspettat li ordna l-qtil.