Bżonn tibdiliet ta’ kif jaħdmu l-president, il-ġudikatura, u l-parlament – esperti

Malta għandha bżonn aktar kontrolli u bilanċi għal titjib fir-rispett lejn il-liġijiet fil-pajjiż skont esperti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Dan ħareġ minn dak li qalet il-Venice Commission (The European Commission for Democracy through Law) li hija l-bord konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa għall-affarijiet kostituzzjonali dwar Malta.

Il-Kummissjoni qalet li hemm bżonn tibdiliet fil-kariga tal-president, fil-ġudikatura, fil-parlament, fil-kabinett, u fl-ombudsman.

Fejn jidħlu l-poteri tal-prim ministru, l-esperti sabu li meta wieħed jikkunsidra kemm għandu poter, hemm nuqqas fil-kontrolli u fil-bilanċi tal-pajjiż. Qalu li l-problema ssir agħar minħabba dgħufija fis-soċjetà ċivili u fil-midja indipendenti.

X’għandu jinbidel?

L-esperti elenkaw numru ta’ punti, fosthom:

  • Bżonn ta’ żieda fil-pagi tal-membri parlamentari
  • Il-president m’għandux biżżejjed saħħa
  • Malta għandha obbligu internazzjonali biex tassigura li l-midja u s-soċjetà ċivili jaħdmu kif suppost
  • M’għandux ikun il-parlament li jneħħi maġistrati u mħallfin
  • Għandu jitneħħa l-irwol doppju tal-avukat ġenerali bħala prosekutur u avukat tal-gvern

Fi stqarrija il-Gvern qal li jilqa’ l-abbozz ta’ opinjoni u li se jagħti r-reazzjoni tiegħu meta l-Kummissjoni toħroġ id-dokument finali.

Il-Gvern qal li “jinnota li l-kummenti tal-abbozz ta’ opinjoni jiffukaw fuq liġijiet u sistemi li ilhom hemm is-snin u mhux dwar liġijiet li introduċa l-Gvern preżenti.” Skont il-Gvern, “intqal kliem ta’ tifħir mill-President tal-Kummissjoni ta’ Venezja Gianni Buquicchio u mir-rapporteur Martin Kuijer dwar l-opinjoni dwar Malta lejn il-Gvern ta’ Malta.“