Bżonn talb bla waqfien għall-vokazzjonijiet – l-Isqof Grech

Miguela Xuereb

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li hemm bżonn talb bla waqfien għall-vokazzjonijiet qaddisa.

Hu qal dan f’Ittra Pastorali li nkitbet fl-okkażjoni tal-bidu tas-Sena Pastorali.

Mons. Grech spjega li l-morda u dawk li qed ibatu jistgħu joffru t-tbatija tagħhom għal aktar vokazzjonijiet. Ippropona biex matul din is-sena pastorali d-djoċesi ssaħħaħ il-kultura vokazzjonali li għandha. Qal li dan mhux għax hemm xi kriżi ta’ nuqqas ta’ saċerdoti, reliġjużi jew lajċi kkonsagrati imma għax l-Knisja tixtieq tgħin liż-żgħażagħ.

“L-aqwa prietka dwar il-ġmiel tal-vokazzjoni ma ssirx bil-kliem imma bil-ħajja ordinarja tagħhna,” qal l-Isqof.

L-Isqof stqarr li qed iqigħed il-viżjoni pastorali tiegħu taħt il-ħarsien matern ta’ Marija. Fakkar kif kienet waslitilha s-sejħa li kompliet tinfetaħ maż-żmien u li għamlet id-dixxerniment tagħha.

L-Isqof qal li jara ż-żgħażagħ tal-lum fiż-żagħżugħ li staqsa lil Ġesù jgħinu jsib it-tweġiba għall-mistoqsijiet kbar li kellu f’ħajtu.

Mons. Grech qal li ż-żgħażagħ għandhom doni u kwalitajiet sbieħ u li huma onesti.

“Jgħidulna li għalkemm għandhom kważi kollox, iħossu li tonqoshom xi ħaġa. Huma jafu japprezzaw il-ġmiel u jħobbu jiċċelebraw, imma fl-istess waqt konxji li kollox għandu l-limiti,” qal l-Isqof.

Fi kliem l-Isqof, Alla u dak li hu ta’ Alla biss ma jiskadi att. Żied jgħid li hu d-dmir tal-Knisja li tgħin liż-żgħażagħ jiltaqgħu ma’ Ġesù. Għalkemm għandhom jagħmlu attivitajiet soċjali, għandhom jakkumpanjaw liż-żgħażagħ biex jersqu bil-mistoqsijiet tagħhom għand Ġesù.

“In-Nisrani huwa  dak li f’ħajtu jagħżel li jimxi wara Ġesù,” qal l-Isqof. Però qal ukoll li wieħed jista’ jkun mgħammed u reliġjuż imma xorta jkun għadu ma għamilx esperjenza personali ta’ Ġesù.

Mons. Grech qal li reċentament iltaqa’ ma’ żagħżugħ li kien inħakem fix-xibka tad-droga.

“Mhux biss tħawwad hu imma hu stress ħawwad il-ħajja ta’ ħafna nies oħra bl-imġiba kriminali tiegħu.”

Skont l-Isqof, wara li għamel programm ta’ terapija msejjes fuq ħajja spiritwali qawwija, iż-żagħżugħ sar ħabib ta’ Ġesù.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa minn hawn: