Bżonn ta’ viżjoni fit-tul għall-ħarsien tal-ambjent – PN

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li hemm bżonn ta’ viżjoni fit-tul fejn jidħol il-ħarsien tal-ambjent fil-pajjiż. Qal ukoll li b’hekk jilq’ l-proposta tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex Malta jkollha viżjoni ambjentali minn issa sal-2050 li l-iskop ewlieni tagħha jkun it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-PN sostna din il-viżjoni taqbel ma’ dak li jemmen fih. Qal li sabiex jitħares l-ambjent tal-pajjiż u fuq tkun assigurata ħajja ta’ kwalità tajba għall-Maltin kollha, hu meħtieġ li l-viżjoni tkun waħda fit-tul. Insista li sabiex verament tintlaħaq il-milja ta’ viżjoni ta’ dan it-tip, irid ikun hemm pjan ta’ azzjoni b’miri ċari għall-preżent u l-futur.

Il-kelliema tal-PN qalu kif il-Gvern ilu sa mill-2013 jgħid li jrid jaħdem favur ambjent aħjar, “iżda bil-fatti kien qed jagħmel bil-kontra.” Il-PN irrefera għaż-żieda fil-popolazzjoni minħabba immigrazzjoni bla pjan bil-konsegwenzi kollha fuq l-ispazju ċkejken tal-pajjiż, l-ispekulazzjoni bla kontroll tal-art, arja aktar imniġġsa minħabba t-traffiku u nuqqas ta’ pjan biex il-pajjiż jaqleb għal vetturi elettriċi.

Il-partit insista li “biex din il-viżjoni titwettaq, irid ikun hemm qabel kollox awtorità b’saħħitha li d-deċiżjonijiet tagħha jgħoddu fl-ippjanar u l-infurzar u mhux li tkun ridotta għal sempliċi entità konsultattiva bħal fil-preżent.”

B’hekk, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jekk irid li l-viżjoni tħalli l-frott jibda biex bħala l-ewwel pass isaħħaħ lill-awtorità li qed twellidha.

L-istqarrija kienet iffirmata mill-Kelliem għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima, David Thake u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, Kevin Cutajar.