Bżonn ta’ uffiċċju wieħed tal-Gvern inkarigat mill-ambjent kollu – Kummissarju

Christoph Schwaiger

Il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar sostna li hemm bżonn li jinħoloq uffiċċju wieħed tal-Gvern bħala one-stop-shop li jilqa’ ilmenti dwar kull ħaġa relatata mal-ambjent, kemm jekk mibni, kif ukoll jekk huwa ambjent mhux mibni.

Il-Kummissarju ppubblika l-proposti tiegħu għall-abbozz li jemenda l-liġi sussidjarja msejħa ‘Regolamenti dwar l-evitar ta’ ħsara lil propjetà ta’ terzi persuni’. Dan wara li x-xogħlijiet ta’ demolizzjoni u tħaffir twaqqfu fit-13 ta’ Ġunju u wara li ġie ppubblikat l-abbozz ta’ liġi fis-16 ta’ Ġunju.

Aqra: “Il-Gvern iwaqqaf l-iskavar; il-Pulizija ma rċevewx struzzjonijiet”

Aqra: “L-istħarriġ ġeo-tekniku qabel il-bini rari jsir” – MDA

Hu sostna li ċ-ċittadin qed jaħli ħafna żmien ifittex għand liema entità tal-Gvern għandu jirreferi l-ilment tiegħu b’konsegwenzi serji meta każijiet ikunu ta’ natura urġenti. Qal li taħt dan il-one-stop-shop ikun hemm miġbura d-direttorati tal-infurzar ta’ kull entità tal-Gvern sabiex l-infurzar ikun aktar effiċjenti u effettiv.

Aqra: Regolamenti Skavar: Ippubblikati għall-konsultazzjoni

Il-Kummissarju spjega li dan il-one-stop-shop ikollu l-kompitu li jwassal ilmenti lill-enforcement officer li jkun fil-lokalità, iżomm lill-entità kkonċernata informata bl-ilment, iżomm arkivju diġitali tal-ilmenti kollha li jidħlu għand l-entitajiet tal-Gvern, jirċievi l-commencement notice għal kull proġett, iservi ta’ kollettur tal-multi imposti u jservi bħala sede ċentrali fejn l-entitajiet tal-Gvern jiddiskutu kwistjonijiet ta’ bejniethom.

Aqra: Bini Gwardamanġa: Residenti jorqdu barra biex joqogħdu għassa mal-bini

“Il-liġijiet waħedhom mhux biżżejjed” – Malta Chamber of Planners

Filwaqt li laqgħet l-abbozz ta’ liġi, il-Malta Chamber of Planners qalet li osservat li l-liġijiet waħedhom mhumiex biżżejjed sabiex jindirizzaw il-problemi kurrenti fl-industrija. Il-Kamra ssottomettiet l-opinjoni tagħha hekk kif bħalissa hemm ħamest ijiem ta’ perjodu ta’ konsultazzjoni wara li l-abbozz ta’ liġi ġie propost mill-Gvern.

Fil-proposti tagħha, il-Kamra nnutat li d-data ta’ meta se jitlesta l-proġett trid tkun skedata malli jibda x-xogħol. Dan hekk kif skonthom mhux aċċettabbli li wieħed iħalli siti skavati jew abbandunati għal aktar minn xahar.

Aqra: “Tkomplux tiksru l-liġi; ħalli 76 ċentimetru bejn il-bini”

Il-Kamra ħeġġet lill-Gvern sabiex jikkunsidra jnaqqas il-validità tal-permessi tal-ippjanar. Huma spjegaw li ħaġa bħal din tassigura li proġetti ta’ kostruzzjoni li jkunu ġew mibdija jaslu sabiex jintemmu u s-siti ma jibqgħux taħt żvilupp għal tul ta’ żmien li mhux neċessarju. Fost proposti oħrajn, il-Kamra qalet li l-ħaddiema fuq il-post għandu jkollhom it-taħriġ, l-għodda u l-makkinarju neċessarju kif ukoll idea bażika tal-best practices.

Il-Kamra pproponiet ukoll li kull tip ta’ twaqqiegħ u skavar għandu jsir minn persuni liċenzjati u kumpaniji li għandhom assigurazzjoni.