Bżonn ta’ tnaqqis fl-emmissjonijiet tal-vapuri – BirdLife Malta

BirdLife Malta, flimkien ma’ The Nature and Biodiversity Conservation Union (NABU), qalu li jeħtieġ issir bidla fl-industrija favur tnaqqis drastiku fl-emmissjonijiet mill-vapuri. Dan jeħtieġ li jseħħ biex jintlaħqu l-miri tat-tibdil fil-klima li ġew stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi.

Fi stqarrija li ħarġet BirdLife Malta, Cruise Liners li jidħlu f’Malta qalet li huma klassifikati fl-agħar kategoriji għall-ħsara li jagħmlu lill-ambjent relatati ma emissjonijiet mistennija jiżdiedu bi kważi d-doppju sa tmiem is-sena.

Dan ir-riżultat ħareġ mill-Cruise Ship Ranking għall-2018, lista li tinġabar kull sena mis-sieħeb Ġermaniż ta’ BirdLife Malta, NABU. Dan qed isir bħala parti mill-proġett konġunt – Together Against Air Pollution from Ships.

Fl-2017, in-numru ta’ bastimenti tal-passiġġieri kklassifikati f’din l-agħar kategorija li żaru l-Port il-Kbir ta’ Malta kien jammonta għal 65, waqt li din is-sena s’issa n-numru laħaq il-58.

Janina Laurent, l-Uffiċjal inkarigata mill-Policies ta’ BirdLife Malta, spjegat li huma biss 5 bastimenti tal-passiġġieri li daħlu fl-ibħra territorjali Maltin din is-sena li kellhom l-apparat meħtieġ biex jiffiltra d-dħaħen li joħorġu mill-bastiment.

Hija tenniet li jekk jinħolqu inċentivi ġodda biex il-vapuri jniġġsu inqas, dan ikun ta’ għajnuna biex jittejbu l-livelli tal-kwalità tal-arja fir-reġjun tal-port. Dan jista’ jseħħ billi l-vapuri jintalbu jħallsu t-tariffi tal-port skont il-prestazzjoni ambjentali tagħhom u vapuri li jkunu aktar nodfa jħallsu inqas.