Bżonn ta’ strateġija biex is-saħħa mentali tkun indirizzata fil-komunità – CRPD

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) qiegħda tappella biex issir strateġija sabiex persuna b’diżabilità jiddeċiedu ma’ min u fejn jixtiequ jgħixu ħajja dinjituża u jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet huma. Il-CRPD qalet li jekk isir dan ikun sar pass importanti sabiex ikun hemm iktar għarfien dwar is-saħħa mentali għall-persuni b’diżabilità.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar is-saħħa mentali fi stqarrija saħqet li jekk ikun hemm din l-istrateġija jkun jista’ jsir aktar xogħol sabiex isir aktar għarfien dwar is-saħħa mentali b’mod speċjali fejn persuna li għandha diffikultajiet ta’ saħħa mentali tkun tista’ tgħix fil-komunità b’mod indipendenti.

Is-CRPD qalet li minflok investiment infrastrutturali ta’ djar residenzjali għandu jkun hemm iktar investiment biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti. Il-Kummissjoni spjegat li skont il-konvenzjoni persuni li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali huma kkunsidrati bħala persuni b’diżabilità.

Din is-sena l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u l-Kummissarju tas-Saħħa Mentali flimkien mal-għaqdiet mhux governattivi ffirmaw dikjarazzjoni biex tenfasizza l-importanza ta’ dawn il-kummissjonijiet u l-għaqdiet sabiex jaħdmu flimkien għall-persuni li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali.

Il-pandemija tal-Covid-19 ġabet magħha sfidi akbar fil-persuni li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Mhux biss, il-pandemija affettwat ukoll persuni li qatt ma kellhom problemi ta’ saħħa mentali. Is-CRPD temmen li m’hawnx biżżejjed għajnuna psikoloġika u emozzjonali għall-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom kif ukoll għal persuni li huma frontliners f’din il-pandemija u l-familji tagħhom.

Traġedja li l-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum mis-saħħa mentali – PN

F’dan il-jum il-Partit Nazzjonalista qal li hija tragedja li l-gvern preżenti qed jiġi jaqa’ u jqum mis-saħħa mentali tal-poplu Malti u Għawdxi. Żied li l-Crisis Intervention Team li kien twaqqaf minn amministrazzjoni Nazzjonalista żżarma hekk kif il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern. Il-Crisis Intervention Team kien jaħdem fuq każijiet ta’ suwiċidju u rnexxielu jsalva ħafna nies milli jikkomettu suwiċidju.

L-istqarrija li hija ffirmata mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni għas-Sahha Mentali, Ħarsien tal-Persuni b’Mod Sħiħ, Kura fil-Komunità, Dimensja, l-Ġlieda Kontra d-Diabete, u Drittijiet tal-Annimali, Mario Galea.

Il-PN qal li l-pandemija tas-saħħa mentali bdiet u kompliet tiżdied hekk kif faqqgħet l-epidemija tal-Covid-19. L-istqarrija kompliet li tikkritka lill-Gvern li temm is-servizz ta’ out-patient psikjatrika fl-isptar Mater Dei u din hija l-ewwel darba li sptar prinċipali m’għandux out patients tal-mard mentali. Galea żied li meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern infetħu ħames kliniċi ta’ saħħa mentali fil-komunità u kull klinika kellha numru limitat ta’ rħula fil-viċinanzi. Kompla li meta waqaf is-servizz tal-out-patient fl-isptar Mater Dei dawn il-kliniċi żdidulhom eluf ta’ pażjenti u dawn il-kliniċi huma żgħar wisq għall-ammont ta’ persuni.

F’din l-istqarrija Galea qal li l-pażjenti m’għandhomx privatezza u l-psikjatra mhux bilfors ikun dak li kien jara l-pazjent l-isptar Mater Dei. Komla li l-Gvern ilu li wiegħed sptar modern għall-kura tas-saħħa mentali f’Mater Dei tmien snin u minflok bena l-isptar neħħa s-servizz ta’ out-patient fl-isptar Mater Dei.

Il-Partit Nazzjonalista sellem lil dawk kollha li jbatu minn problem ta’ saħħa mentali wasslilhom messaġġ ta’ kuraġġ u wegħedhom li se jibqa’ l-vuċi tagħhom. Il-PN sellem ukoll lill-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam u rringrazzjahom għall-ħidma tagħhom.