Bżonn ta’ “spjega sħiħa u sodisfaċenti” dwar il-proġett tal-fast ferry – Sant

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant qal fuq Facebook li hemm bżonn ta’ “spjegazzjoni sħiħa u sodisfaċenti” dwar ir-raġuni wara t-twaqqif tal-proġett tal-fast ferry.

Is-servizz ta’ fast-ferry li jgħaqqad l-Mġarr u l-Belt kien se jipprovdi konnessjoni aktar frekwenti u mgħaġġla għall-passiġġiera Għawdxin, li jkollhom jaqsmu ta’ kuljum. Issa l-Gvern qed jikkunsidra servizz hop-on hop-off li minflok se jaħdem bħala servizz dirett, se jkun qed jieqaf f’diversi portijiet f’Għawdex u f’Malta.

Sant qal li l-proġett tal-fast ferry, għal xi snin, kien meqjus bħala parti ewlenija mill-politika għall-iżvilupp ta’ Għawdex. Qal kif fit-twettiq tiegħu, il-proġett iltaqa’ ma’ ħafna intoppi, uħud minnhom kontroversjali. Iżda insista li kien rari li toħroġ spjega sħiħa u sodisfaċenti.

“Jekk fhimt tajjeb, ir-raġuni li ngħatat għat-tneħħija tal-proġett kienet li m’għadux parti mill-politika tal-gvern. Jekk hu hekk, ma jidhirlix li din hi spjega sodisfaċenti,” insista Sant.

Sant qal li l-proġett kien se jsir għal raġunijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li jwasslu għal aktar żvilupp f’Għawdex. Hu kompla billi staqsa jekk il-proġett tneħħiex mill-programm tal-gvern għax dawn ir-raġunijiet jew uħud minnhom m’għadhomx għaqli. Appella biex jekk ir-risposta għal din il-mistoqsija tiegħu hija iva, “ikun għaqli li jintqal liema huma u b’liema mod m’għadhomx jgħoddu.”

Il-proġett tal-fast ferry għal Għawdex twaqqaf.Għal xi snin, kien mitqies bħala parti ewlenija mill-politika…

Posted by Alfred Sant on Wednesday, September 16, 2020

Diversi NGOs appellaw biex il-Gvern jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu dwar it-twaqqif tal-proġett tal-Fast Ferry.

L-NGOs kienu sostnew li s-servizz tal-hop-on hop-off mhux se jkun qed jaqdi l-bżonnijiet tal-passiġġiera Għawdxin u Maltin li jaqsmu bejn Malta u Għawdex ta’ kuljum. Qalu li dan se jonqos milli jindirizza l-isfidi ta’ konnettività li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin b’mod tanġibbli u sostenibbli. Irrimarkaw kif il-fast-ferry kienet ilha mwiegħda għal snin sħaħ, u kienet se tnaqqas bil-kbir id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin u dawk li jkollhom jagħmlu l-vjaġġ bil-vapur kuljum. Din kienet se tkun qed tnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u tnaqqas it-traffiku veikulari bejn iż-żewġ gżejjer.

Similarment, l-Għaqda tal-Istudenti Universitarji Għawdxin, il-GUG esprimew “rabja u diżappunt”. Qalu li l-Gvern għażel li jiffoka biss fuq trasport bil-baħar normali biex jakkomoda lit-turisti peress li fl-istqarrija tagħhom, il-GUG jikkwotaw dak li qal il-Ministru għat-Trasport Ian Borg fejn qal li t-trasport bil-baħar fil-Port il-Kbir u f’Marsamxett għandu jkun estiż.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kien wieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar it-tender il-ġdid u għalfejn il-Gvern ma nkludiex is-servizz ta’ fast ferry, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “llum il-vapuri huma kollha fast”. Iġġustifika dan billi qal li t-tender miftuħ li jista’ japplika kulħadd mingħajr rekwiżiti partikolari ta’ x’vapuri jintużaw. Semma wkoll li l-proċess legali għat-tenders li ħarġu qabel ħadu fit-tul peress li kien hemm l-appelli.