“Bżonn ta’ sistemi ta’ riċiklaġġ aħjar” – Attivista ambjentali

Attivista lokali għall-ambjent, Cami Appelgren sostniet li hemm bżonn ta’ sistemi ta’ riċiklaġġ aħjar sabiex il-pubbliku jibqa’ dejjem attiv fil-ħarsien tal-ambjent.

Dan qalitu fuq post fuq Facebook wara li għamlet użu minn bring-in site sabiex tarmi materjal riċiklabbli.

Spjegat li l-bring-in sites huma wisq żgħar u l-ħadid li għandhom fin-nofs jimblukkaw l-entratura minn fejn wieħed jista’ jarmi l-oġġetti tiegħu. Sostniet li persuni li huma f’siġġijiet tar-roti u tfal mhux faċli għalihom li jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet. Irrimarkat ukoll li l-kuluri tal-bring-in sites mhux dejjem ikunu l-istess f’kull lokalità, xi ħaġa li tista’ toħloq konfużjoni.

Fil-messaġġ tagħha insistiet li t-tbattil tal-bring-in sites ma jsirx ta’ spiss u skont id-domanda jew l-użu. Apparti minn hekk spjegat li l-maġġoranza tal-iskips huma mkissra kemm minn isfel, kif ukoll minn fuq, u m’hemm l-ebda tip ta’ bordura mad-dawra tagħhom li twaqqaf milli titħammeġ iż-żona tal-madwar. Insistiet ukoll kif ma’ hemm l-ebda regoli viżibli ta’ kif wieħed għandu jissepara l-iskart.

Wara din l-analiżi tagħha, Appelgren ħarġet b’numru ta’ suġġerimenti ta’ kif għandhom jitranġaw il-bring-in sites. Dawn jinkludu:

  1. Skips akbar
  2. Li jitpoġġew f’żona fejn hemm aktar spazju u jkun hemm xatba mad-dawra tagħhom
  3. Kull supermarket ikollu bring-in site
  4. Li jsiru b’tali mod li jkunu aċċessibbli għal persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti
  5. Il-kuluri tagħhom ikunu l-istess madwar il-gżejjer kollha
  6. Li jitnaddfu u jitranġaw ta’ spiss
  7. Li jsir moniteraġġ fuqhom sabiex tittieħed azzjoni immedjata malli jimtlew, potenzjalment b’kameras tas-CCTV
  8. Żieda fil-ġranet li l-boroż tar-riċiklaġġ jinġabru mid-djar
  9. Il-Kunsill Lokali jrid ikun aktar attiv u jikkomunika dwar sistemi ta’ riċiklaġġ b’mod aktar effettiv mal-komunità li jmexxi

Sostniet li wasal iż-żmien sabiex il-Kunsilli Lokali jitolbu għal servizzi aħjar mill-kuntratturi li jieħdu ħsieb il-bring-in sites fil-lokalitajiet tagħhom. Ir-risposta tagħha għal din hija li jekk ma jagħtux servizz tajjeb, m’għandhomx jitħallsu.

🐒 MONKEY SEE, MONKEY DO 🐒What message do we send to the citizens? 🤔And are our tax money used in a good way for waste…

Posted by Cami Appelgren on Saturday, August 11, 2018