Bżonn ta’ servizzi ta’ saħħa mentali aħjar minħabba l-Covid-19 – A4MH

L-Alleanza tas-Saħħa Mentali (A4MH) qed titlob għal servizzi tas-saħħa mentali li huma ta’ kwalità, aċċessibli u mingħajr stigma. Dan wara li ż-żieda fil-każi ta’ COVID-19 se twassal għal żieda wkoll fil-paniku u l-ansjetà.

A4MH spjegat kif is-servizzi tas-saħħa mentali bħalissa mgħobbijin. Ġo l-Isptar Mater Dei bħalissa m’hemmx preżenza tas-servizzi tas-saħħa mentali, li hija l-oppost ta’ dak li ġie ppubblikat fl-istrateġija għas-saħħa mentali li nieda l-Gvern is-sena l-oħra. L-istqarrija kompliet tgħid li għalkemm servizzi tas-saħħa mentali fuq livell komunitarju huwa importanti, is-servizz għall-pazjenti huwa importanti bl-istess mod.

L-Alleanza qed tisħaq biex isir investiment sustanzjali fis-servizzi tas-saħħa mentali għall-pazjenti u fil-komunità, kif ukoll għal servizz 24/7. Jekk dawn ir-riżorsi ma jkunux f’posthom, se twassal biex ir-responsabbiltà taqa’ fuq il-familja u żżid l-istress fost il-popolazzjoni.

L-istqarrija kkonkludiet billi rreferiet għal document ppubblikat mill-Ġnus Magħquda (UN) li s-servizzi tas-saħħa mentali huma essenzjali bħala parti mir-rispons ta’ kull gvern għall-COVID-19. Dan għaliex inkella hemm riskju ta’ dwejjaq kbar b’mod universali fost in-nies.