“Bżonn ta’ reviżjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kostituzzjoni Maltija”

Il-Pjattaforma tal-Organizzazzjonijiet għad-Drittijiet Umani ta’ Malta (PHROM) sostniet li hemm bżonn ta’ reviżjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta hekk kif skonthom ma tirrikonoxxix id-drittijiet umani fundamentali kollha.

F’messaġġ għall-okkażjoni tas-70 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-pjattaforma sostniet li l-Kostituzzjoni Maltija taqbel ma’ politika u liġijiet maqsumin fi tnejn, fuq naħa għandek id-drittijiet politiċi u ċiviċi u fuq naħa oħra għandek id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali. Skontha din twassal għal sitwazzjoni fejn drittijiet bħad-dritt għax-xogħol, l-ikel, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-housing huma prinċipji fundamentali għall-governanza tal-pajjiż iżda li ma għandhomx il-bażi tal-liġi u l-awtorità tal-ġustizzja.

Fil-messaġġ tagħha, il-pjattaforma spjegat li d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani ma tiprijoritizzax id-drittijiet umani iżda tagħtihom importanza ugwali hekk kif kollha jikkontribwixxu għad-dinjità umana. Spjegat kif filwaqt li fil-Kostituzzjoni ta’ Malta d-drittijiet ċivili u politiċi huma koperti bis-sħiħ, wieħed ma jistax jgħid l-istess għad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fejn dawn jinsabu mniżżlin biss bħala prinċipji.