“Bżonn ta’ qbil nazzjonali kontra l-boathouses fl-Armier” – Front Ħarsien ODZ

Front Ħarsien ODZ wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li l-Partit Nazzjonalista m’għadux marbut ma’ ftehim li sar qabel l-elezzjoni mas-sidien tal-boathouses fl-Armier.
Simon Busuttil kien qal dan lill-midja, b’reazzjoni għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali u li fih, kelliem għas-sidien tal-Boathouses fl-Armier,  qal li Busuttil għandu jonora ftehim li sar mal-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern.
“Id-deċiżjoni li l-PN jħassar kull ftehim li sar fil-passat mas-sidien tal-kmamar illegali, hi l-ewwel pass għal soluzzjoni dejjiema.” 
L-istqarrija tispjega kif il-ftehim kien jinkludi li 230 tumuli ta’ art pubblika kienu se jingħataw lill- Armier Developments Limited għal 65 sena għal kirja ta €350,000.
Intant il-Front wera d-dissappunt tiegħu li l-Partit Laburista għadu marbut mal-ftehim li ffirma qabel l-elezzjoni li għaddiet, biex “il-vilaġġ illegali jerġa jinbena minn kumpanija li tirrapprezenta s-sidien tal-kmamar
Il-Front saħaq li jeħtieġ qbil nazzjonali, ibbażat fuq ftehim bejn iż-żewġ partiti l-kbar, l-Alternattiva Demokratika u s-soċjetà ċivili biex l-art fl-Armier terġa tingħata lura lill-pubbliku biex titgawda minn kulħadd.