Bżonn ta’ qbil dwar trasport tal-massa – Ryan Callus

Fl-istess webinar il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-ambjent jinsab fil-quċċata tal-aġenda

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Immaniġġjar tal-Enerġija u l-Ilma, l-Inġinier Ryan Callus saħaq li għandu jintlaħaq qbil dwar it-trasport tal-massa, li m’għandux jinkiser minħabba bidla fil-gvern.

Waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt dwar l-ambjent u l-ippjanar, Callus spjega li dan hu proġett li mistenni jieħu diversi leġiżlaturi u li l-għan tiegħu jkun li jilqa’ għall-bżonnijiet tal-pajjiż u mhux mod ieħor ta’ kif jinkisbu iktar voti.

Il-kelliem tal-PN wissa wkoll li jekk Malta se tonora l-impenn internazzjonali biex fl-10 snin li ġejjin tnaqqas l-enerġija ‘maħmuġa’ b’27%, il-Gvern għandu jippreżenta x’azzjonijiet se jieħu.  Fl-istess waqt, Callus għadda biex jesprimi d-dispjaċir tiegħu li Malta mhix qed tinvesti biżżejjed f’teknoloġija nadifa bħal wind farms u enerġija rinovabbli. Enfasizza li Malta għandha tkun iċ-ċentru għar-riċerka u l-iżvilupp tal-wind farms, “iżda dan is-settur f’Malta għadu lura ħafna”. Irrimarka li l-konnessjoni mal-interconnector kienet pass pożittiv għax tagħmel tajjeb f’każ ta’ nuqqas ta’ enerġija ġġenerata mix-xemx u r-riħ.

L-Inġ. Callus tkellem dwar l-istat imwiegħer tat-toroq wara ħalba xita u fisser li hemm bżonn investiment fl-ilqugħ tal-ilma u li fil-bini tat-toroq għandu jiġi kkunsidrat serjament l-immaniġġjar tal-ilma fil-maltemp. Stqarr li l-Gvern ma jidhirx li se jieħu azzjoni minħabba li dan jirrikjedi aktar investiment u jrid jgħaġġel biex ilesti t-toroq qabel l-elezzjoni.

Huwa tefa’ dubju dwar jekk il-politiċi għandhomx jibqgħu fuq il-bordijiet, fost l-oħrajn dak tal-ippjanar, filwaqt li insista li b’hekk il-politiċi jkollhom aktar libertà. Id-deputat Nazzjonalista stqarr li kulħadd għandu jżomm f’moħħu li “darna ma tiqafx mal-bieb ta’ barra”.

“L-ambjent fil-quċċata tal-aġenda” – Il-Ministru Aaron Farrugia

Fl-istess webinar, il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia saħaq dwar il-bżonn li jinstab bilanċ bejn l-ippjanar tal-użu tal-art u l-ambjent.  Żied jgħid li fl-aħħar disa’ xhur, l-ambjent sab ruħu fl-istess portafoll ministerjali tal-ippjanar u qed jingħata prijorità. Irrefera għal diversi strateġiji li tnedew għal analiżi jew strateġija. Semma b’mod partikolari l-SPED biex janalizza l-policies tal-ippjanar u l-istrateġija nazzjonali ambjentali li għandha l-għan li tippjana sal-2050. Il-Ministru Farrugia rrimarka li l-ippjanar u l-ambjent huma essenzjali biex il-pajjiż jara titjib tanġibbli maż-żmien.

Filwaqt li rrefera għall-punt li qajjem l-Arċisqof dwar ir-reklamazzjoni tal-art u l-bidla li ġġib magħha, il-Ministru qal li r-reklamazzjoni jaf isservi tajjeb jekk issir b’għaqal u b’sensittività. Semma l-eżempji tal-Imsida, il-Gżira u l-Freeport, li fi kliemu kkontribwew għall-kwalità ta’ ħajja aħjar. Farrugia saħaq li dan hu suġġett sensittiv u li jirrikjedi studji.

Il-Ministru Farrugia qal li l-Awtorità tal-Ippjanar ilha tibgħat sinjali li l-art għandha tiġi protetta, imma fl-istess ħin, id-drittijiet tas-sidien tal-art iridu jiġu kkunsidrati wkoll. Stqarr li kien faċli li tgħid biex jieqaf il-bini u jkun hemm limitazzjonijiet fuq l-għoli tal-bini.

Aaron Farrugia qal li l-Gvern qed janalizza l-policy rurali fid-dawl ta’ prattiċi kontroversjali, bħal prova ta’ residenza li tmur lura mijiet ta’ snin u li qed tintuża għall-bini mill-ġdid ta’ residenzi ġodda. Ikkonkluda li l-Intelligent Planning Forum li twaqqaf riċentament qed jiddiskuti t-triq ‘il quddiem għall-ippjanar, u li fil-jiem li ġejjin mistennija jiġu ppubblikati l-konklużjonijiet.

X’tip ta’ trasport tal-massa għandu jkollna f’Malta?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna email fuq info@newsbook.com.mt