Bżonn ta’ pjastrini għal pazjenti tal-kanċer

Minkejja li fl-aħħar xhur ir-riserva u t-talba tad-demm (għall-parti l-ħamra) mill-isptarijiet kienet stabbli, ma jistgħax jingħad l-istess għat-talba taċ-ċelloli tad-demm imsejħa pjastrini (platelets) li jistgħu jinħażmu għal ħamest ijiem biss.
Fl-aħħar ġimgħat żdiedet sew it-talba għal dawn il-pjastrini bħala parti integrali mill-kura għal pazjenti morda bil-kanċer, partikolarment tfal u anzjani.
Għalhekk, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella għal ħafna iktar donaturi u donazzjonijiet tad-demm biex minn kull ħames donazzjonijiet ikunu jistgħu jipproduċu waħda mill-boroż tal-pjastrini meħtieġa kuljum.
Min jixtieq jagħti d-demm jista’ jagħmel dan:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, li jiftaħ kuljum, anke nhar ta’ Sibt u Ħadd, mit-8.00am sas-6.00pm;
  • Fil-Mobile Blood Donation Unit, li nhar il-Ħadd 17 t’April se jkun maġemb iċ-Ċentru Pastorali ta’ Ħal Għargħur
  • Fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar il-Ħadd 17 t’April mit-8.00am sas-1.00pm

Importanti li wieħed jieħu miegħu l-Karta tal-Identità, il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.