Bżonn ta’ perjodu qasir ta’ miżuri stretti – Kamra tal-Kummerċ

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tħeġġeġ li jkun hemm perjodu qasir ta’ miżuri stretti biex tkun ikkontrollata l-firxa tal-pandemija tal-coronavirus. Dan qalitu dalgħodu fi stqarrija fejn talbet għal laqgħa urġenti tal-MCESD biex tkun diskussa l-kriżi li ġabet magħha l-pandemija fil-pajjiż u ssuġġeriet li t-tnaqqis fil-firxa tal-virus għandha tkun prijoritizzata nazzjonalment.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li huwa evidenti li hemm bżonn aktar dixxiplina qalb ċerti gruppi tal-popolazzjoni kif ġara f’pajjiżi oħrajn. Għal din ir-raġuni talbet għal approċ ikkonċentrat mill-aġenziji tal-infurzar kollha biex ikun hemm infurzar aktar strett tal-miżuri.

Fl-istqarrija, il-Kamra qalet li l-awtoritajiet għandhom bżonn iqajmu aktar kuxjenza fuq kampanji ta’ viġilanza dwar is-serjetà madwar il-pandemija li qed taħkem l-aspetti kollha tal-ħajja madwar id-dinja. Insistiet li l-pubbliku jrid idaħħalha f’moħħu li jrid jadatta għax il-ħajja ma reġgħetx lura għan-normalità ta’ qabel il-pandemija.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi perjodu qasir ta’ restrizzjonijiet stretti b’mod immedjat. Ir-restrizzjonijiet proposti jistgħu jinkludu:

  • Tnaqqis fil-għadd ta’ persuni fi gruppi
  • L-ilbies ta’ maskri barra mid-djar
  • Teleworking fejn hu possibbli
  • Għeluq temporanju ta’ ċertu stabbilimenti u postijiet pubbliċi

Il-Kamra tkellmet ukoll dwar l-edukazzjoni u qalet li mhix xi ħaġa mhux realistika li l-ġenituri qed isiru aktar xettiċi dwar jekk għandhomx jibgħatu lit-tfal tagħhom l-iskola. Insistiet li hemm bżonn aktar żmien biex il-pandemija tkun ikkontrollata. “Dan jipprovdi aktar żmien lill-iskejjel biex jippreparaw aħjar biex jakkomodaw lill-istudenti. Il-ftuħ tal-iskejjel, li jibqa’ fl-aħjar interess tat-tfal, jista’ jsir biss taħt miżuri stretti u infurzar tad-dixxiplina. Meta jkun hawn aktar kontroll fil-pajjiż, mela l-perjodu ta’ restrizzjoni jkun jista’ jibda jittaffa,” qalet il-Kamra.

Irridu naħdmu flimkien biex nissalvagwardjaw dak li ksibna fil-passat, temmet tgħid il-Kamra tal-Kummerċ.