“Bżonn ta’ miżuri għall-ħaddiema li jiffavorixxu lill-familji”

Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza Renee Laiveir qalet li s-settur privat għandu jikkunsidra li jsaħħaħ il-miżuri għall-benefiċċju tal-familja offruti lill-ħaddiema tagħhom. Dan kien wieħed mill-punti li għamlet Laiviera meta kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet mibgħuta minn Newsbook.com.mt dwar il-Global Gender Gap Index li fih Malta klassifikat fil-91 post.

Il-Global Gender Gap Index li ġie introdott mill-World Economic Forum iservi bħala pjattaforma li tanalizza d-distakki abbażi tal-ġeneru u tara kif dawn jiprogressaw matul is-snin. Ir-rapport iħares lejn 149 pajjiż fl-2018 u janalizzahom fuq erba’ dimensjonijiet – il-parteċipazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-għixien, u l-interess politiku.

Minkejja li Malta ġabet marki kemmxejn baxxi fil-kategorija dwar il-parteċipazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet, Laiviera tkellmet b’mod favorevoli dwar ix-xogħol tal-Gvern f’dan il-qasam. Semmiet kif il-Gvern Malti joffri childcare b’xejn, il-breakfast club u Klabb 3-16 li kollha jinkoraġġixxu lin-nisa sabiex jew jerġgħu jibdew jaħdmu jew inkella jżommu x-xogħlijiet tagħhom. Hi kompliet tgħid li r-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa żdiedet b’mod sinjifikanti u għadha qed tiżdied.

Madanakollu sostniet li l-istrutturi għandhom ikomplu jissaħħu sabiex jiġi assigurat li qed jintlaħqu l-bżonnijiet tan-nisa kollha li jixtiequ jaħdmu. Semmiet il-bżonn li terġa’ ssir analiżi tas-sistema tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali mill-perspettiva tal-ġeneru. Din it-tip ta’ analiżi jaf twassal sabiex tikxef uħud mill-imblokki li jħabbtu wiċċhom magħhom dawk li jaqilgħu t-tieni introjtu tad-dar.

Aqra aktar dwar dan ir-rapport minn hawn.