Bżonn ta’ liġi sabiex persuni b’diżabilità intelletwali jagħżlu għalihom infushom – Kummissarju

Read in English.

Hemm bżonn ta’ liġi li tippermetti persun adulti b’diżabilitajiet intellettwali jagħmlu l-għażliet tagħhom għalihom innifishom. Dan qalu l-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna.

Newsbook.com.mt kien qed jitkellem mal-Kummissarju dwar liġijiet ġodda li jaħseb li hemm bżonn jidħlu fil-pajjiż sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità.

Scicluna semma tliet liġijiet li l-Gvern ikkonsulta mal-Kummissjoni. Liġi minnhom hija l-Att għall-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet Vulnerabbli. Qal li din il-liġi għandha tipprovdi l-istess protezzjoni u salvagwardji li bħalissa jingħataw lill-minuri u testendihom għall-adulti f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

Aqra: Filmat: “Bżonn liġijiet ġodda favur persuni b’diżabilità”

Tkellem ukoll dwar l-Att Dwar l-Awtonomija Personali. Qal li liġi tat-tip tipprovdi sabiex adulti b’diżabilitajiet intellettwali jingħataw is-sapport biex jagħmlu l-għażliet tagħhom minflok li dawn isiru għalihom minn persuni oħrajn. Qal li hija liġi li tiffoka fuq l-awtonomija ta’ persuna. Semma li eventwalment din il-liġi tista’ tikkonstitwixxi l-‘guardianship’. Skont is-sit tal-Gvern, il-guardianship hija relazzjoni legali bejn persuna li għandha xi diżabilità jew diżordni mentali u persuna oħra msejħa ‘guardian’. Ir-raġuni ta’ din ir-relazzjoni legali hija sabiex persuni b’diżabilità jkollhom lil xi ħadd li jħares l-affarijiet tagħhom u jitkellem għad-drittijiet u l-interessi f’isimhom.

Aqra: Filmat: “In-nuqqas ta’ aċċess fost l-akbar tħassib għal persuni b’diżabilità”

Il-Kummissarju għamel referenza għal liġi oħra li sejħilha il-UNCRPD Act. Spjega li l-UNCRPD hija l-Konvenzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li ġiet iffirmata fl-2006 u mbagħad ġiet ratifikata fl-2012. Din il-liġi taħseb biex kull artiklu fil-Konvenzjoni, apparti r-riżervi fuq il-vot sigriet u l-abort, isiru jagħmlu parti mil-liġi Maltija. Qal li b’hekk, din tagħtu aktar drittijiet u saħħa, kif ukoll direzzjoni ċara lill-persuni b’diżabilità.

Ma’ Newsbook.com.mt, Scicluna kien qal li minkejja l-avvanzi tul is-snin, bħal li ġiet stabbilita l-Kummissjoni 30 sena ilu u l-ftuħ ta’ Aġenzija Appoġġ, għad fadal ħafna xi jsir biex jinbidlu l-kultura u l-mentalità tal-popli. Qal li jemmen li s-settur tal-persuni b’diżabilità jista’ jiġi mmaniġġjat ħafna aħjar. Qal ukoll li s-settur jistħoqqlu politika u strateġija aħjar.

Aqra: Filmat: “Iktar ilmenti għax min iħaddem ma jifhimx il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità”