Bżonn ta’ liġi fissa fuq il-gentlemen’s clubs – Imħallef

L-Imħallef Edwina Grima talbet għar-regolarizzazzjoni tal-hekk imsejħa “gentlemen’s clubs.”

Dan ħareġ mill-appell tal-każ taż-żewġ irġiel li fl-2012 nħelsu mill-akkużi li jmexxu burdell u li kisru liġijiet ta’ tħaddim tal-impjegati.

L-Imħallef qalet li wasal iż-żmien li klabbs bħal dawn ikunu regolati skont il-liġi, f’sistema li tistabbilixxi liema attività hi permessa legalment f’dawn il-postijiet u liema mhijiex.

Hija qalet ukoll li t-tfajliet li jaħdmu f’din l-industrija għandhom jiġu protetti minn sfruttar, u li s-soċjetà wkoll tibbenifika minn kjarifika ta’ min jista’ jżur dawn il-postijiet, biex tipproteġi lill-minorenni u lin-nies vulnerabbli.

Iż-żewġ irġiel kienu nħelsu mill-akkużi kollha fl-2012, imma l-każ kien ġie appellat mill-Avukat Ġenerali.

Il-Qorti semgħet kif il-każ kien beda minn meta l-pulizija sabu bosta tfajliet Rumeni jaħdmu f’bar f’Paceville, jiżfnu mal-pole u jiżfnu f’ħoġor il-klijenti, imma l-pulizija ma ressqu lil ħadd mit-tfajliet biex jixhed.

L-Imħallef Grima nnutat li feġġew numru ta’ klabbs ta’ din ix-xorta f’Paceville, li ma kienx hemm leġiżlazzjoni diretta dwarhom li tirregolarizza x’jiġri fihom u min imexxihom.

Filwaqt li kkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel smigħ li l-irġiel jinħelsu mill-arrest taħt l-akkuża li jmexxu burdell, il-Qorti ma qablitx li l-irġiel għandhom jinħelsu mill-akkuża ta’ irregolaritajiet fit-tħaddim tal-impjegati. Hija sabithom ħatja ta’ dan u tathom multa ta’ €1,500 kull wieħed.