“Bżonn ta’ kunsilli reġjonali għal aktar effiċjenza” – Farrugia

Ritratt: MJCL/SPK

L-Ispeaker Anġlu Farrugia saħaq li l-proposta sabiex jitwaqqfu l-kunsilli reġjonali li jiżguraw aktar effiċjenza fil-provvista ta’ servizzi essenzjali lill-kunsilli lokali għandha tkun ikkunsidrata b’mod favorevoli. 

Dan qalu fl-indirizz tiegħu waqt li mexxa laqgħa għas-sindki fil-Parlament ta’ Malta. Din il-laqgħa fakkret il-25 sena mit-twaqqif tal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex. Dawk kollha li pparteċipaw kellhom ċans jaqsmu l-ideat ta’ kif għandu jissaħħaħ il-Gvern lokali.

Fost is-suġġetti li ġew diskussi kien hemm il-White Paper dwar ir-riforma fil-Gvern lokali, id-deċentralizzazzjoni tal-poter mill-Gvern għal għand il-kunsilli lokali, l-użu tal-fondi Ewropej u affarijiet oħra relatati mal-gvern lokali.

Farrugia sostna li permezz tal-kunsilli lokali, ir-residenti kisbu l-għarfien tal-liġi fit-tmexxija tal-lokalitajiet tagħha. B’hekk sostna li l-abitanti qed jagħtu l-kontribut tagħhom fid-deċiżjonijiet amministrattivi tal-lokal tagħhom. Semma wkoll l-isfidi tad-deċentralizzazzjoni tal-poter għal għand il-kunsilli lokali, u kien hawn li sostna li hemm bżonn ta’ kunsilli reġjonali.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici sostna li b’din l-attività qed jinkoraġġixxu lis-sindki filwaqt li juru l-apprezzament lejn xogħolhom. Intant, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis żied jgħid li s-sindki għandhom jingħataw aktar stima fil-lokalitajiet tagħhom.