Bżonn ta’ kundizzjonijiet xierqa għall-ħaddiema Torok – GWU

Il-General Workers’ Union qalet li l-ħaddiema barranin, partikolarment dawk Torok li nqalgħet kontroversja dwarhom fl-aħħar ġimgħat, m’għandhomx jiċċaħħdu mid-drittijet bażiċi tagħhom.

Wara li f’dawn l-aħħar jiem qamet diskussjoni dwar ħaddiema Torok li possibilment nġiebu jew se jinġiebu biex jaħdmu fuq proġetti ta’ kostruzzjoni f’Malta, il-General Workers’ Union ħarġet stqarrija li fiha qalet li temmen li kull ħaddiem f’Malta għandu jibbenefika mid-drittijiet kollha li jgawdu l-kumplament tal-ħaddiema, irrispettivament jekk humiex mill-Unjoni Ewropea jew minn pajjiżi terzi. 

Il-GWU sostniet li hija dejjem insistiet li l-ħaddiem għandu jkun ittrattat ta’ bniedem sħiħ u ma jkollux id-dinjità tiegħu mkasbra. Qalet ukoll li hi qatt m’għamlet distinzjoni bejn ħaddiem u ieħor. 

Hija ħeġġet lill-ħaddiema biex jingħaqdu magħha sabiex hija tkun tista’ tara li l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jitjiebu. Fl-istess waqt, il-GWU appellat ukoll lill-awtoritajiet responsabbli Maltin, biex meta japprovaw il-wasla ta’ ħaddiema barranin, ikollhom l-garanziji kollha li dawn se jkunu qed igawdu mill-protezzjoni tal-liġijiet Maltin fil-qasam tax-xogħol, ikollhom akkomodazzjonijiet dinjitużi u li l-pagi li jingħataw jippermettulhom jgħixu b’mod dinjituż f’Malta.