“Bżonn ta’ kirjiet affordabbli pprovduti mill-Gvern” – Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna li hemm bżonn li l-Gvern jipprovdi aktar postijiet li jkunu bil-kunċett ta’ kirjiet affordabbli.

Dan qalu waqt attività taħt it-tinda fil-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Laburista. Fearne qal li fil-qasam tal-housing, il-Gvern se jkun qed jimxi bl-istess mod kif mexa fil-bini tat-toroq.

Fearne spjega li l-Gvern bħalissa għaddej bil-bini ta’ ‘l fuq minn 1,700 post, kif ukoll b’miżuri oħrajn biex jgħin lil dawk li ma jifilħux jixtru d-dar tagħhom. Hu stqarr li jeħtieġ ukoll li l-Gvern jipprovdi aktar postijiet li jkunu bil-kunċett ta’ kirjiet affordabbli, kirjiet inqas minn dawk tas-suq fejn min ikun jibbenefika minn dawn l-iskemi jkun jista’ jgħix f’dawn il-postijiet sakemm itejjeb il-prospetti finanzjarji tiegħu.

Hu qal li huwa “konxju li għad fadal numru ta’ persuni fuq il-lista ta’ stennija, jeħtieġ li din tkun indirizzata b’mod immedjat billi jitħaffef il-proċess tal-bini ta’ postijiet, hekk kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali.”

Id-Deputat Prim Ministru temm jgħid li l-isfidi li għandu quddiemu l-pajjiż anke f’dan il-qasam se jiġu indirizzati bħalma ġew indirizzati diversi sfidi oħrajn li l-pajjiż kellu matul iż-żminijiet.