Bżonn ta’ iżjed għarfien fuq is-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ – Team Start

Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista Team Start ilmentat li m’hawnx biżżejjed għarfien dwar is-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ, li kulma jmur dejjem qed issir aktar pressjoni fuqhom, kemm mil-lat edukattiv, u anke dak soċjali.

Iż-żgħażagħ attivi f’Team Start PN urew din il-fehma waqt laqgħa virtwali li kellhom mal-Kap tal-PN Adrian Delia u mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Robert Cutajar. F’din il-laqgħa ddiskutew l-impatt tal-coronavirus fuq ħajjet iż-żgħażagħ.

Fil-qasam tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ spjegaw kif il-Covid-19 biddlet kollox mil-lejl għan-nhar. Spjegaw kif din l-imxija wasslet għal ħafna stress fost l-istudenti, li għal tul ta’ żmien ma kinux infurmati dwar x’se jsir mill-eżamijiet li kellhom jagħmlu u kif għadhom mhux infurmati dwar kif is-sillabu li ma sarx matul din is-sena skolastika se jlaħħqu jagħmluh matul is-sena d-dieħla. Studenti tal-MCAST ilmentaw kif xogħol ta’ prattika li kellhom jagħmlu din is-sena se jkollu jitħalla għas-sena d-dieħla. Huma ddeskrivew is-sistema edukattiva bħala waħda li ma tindirizzax l-ħiliet li għandhom bżonn, iżda tiffoka wisq fuq l-aspett tal-memorja.

Laqgħa mill-aktar interessanti ma' numru ta' żgħażagħ fejn tkellimna dwar kif l-COVID-19 affettwat l-edukazzjoni, is-saħħa mentali u x-xogħol. Ħadna gost b'numru ta' wċuh ġodda wkoll! 👌

Posted by Team Start on Tuesday, June 16, 2020

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tkellem ukoll maż-żgħażagħ dwar kif l-imxija affettwat liż-żgħażagħ li jaħdmu. L-imxija affettwat lil dawk li jfittxu impjieg fis-sajf, anke biex itaffu xi ftit mill-ispejjeż tal-familja, peress li fis-sajf l-opportunitajiet ta’ xogħol naqsu drastikament, speċjalment fil-qasam tal-ospitalità u t-turiżmu.

Adrian Delia, filwaqt li rringrazzja liż-żgħażagħ tal-kontribut tagħhom, saħaq dwar l-importanza li dawn iż-żgħażagħ jinvolvu aktar irwieħhom fil-Partit Nazzjonalista, anke fuq il-mezzi tax-xandir tiegħu. Delia qal li dan huwa aktar essenzjali fid-dawl tar-riforma li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista sabiex jinkludi aktar żgħażagħ fl-oqsma kollha tal-PN.