Bżonn ta’ intervent mill-Pulizija dwar il-bejgħ tal-isptarijiet – Metsola

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li s-sitwazzjoni b’rabta mal-bejgħ tat-tliet sptarijiet hija waħda serja, tant li hemm bżonn intervent mill-Pulizija.
Fi stqarrija Metsola qalet li se tkompli tiċċekja jekk il-bejgħ tat-tliet sptarijiet kisirx xi liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Qalet li huwa nkwetanti kif qabel ma’ ħarġet is-sejħa uffiċjali għax-xiri tal-isptarijiet ta’ San Luqa, Karin Grech, u ta’ Għawdex, l-investituri kienu diġà ffirmaw ftehim dettaljat bejniethom.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew qalet li aktar ma jgħaddi żmien, aktar jidher li dan il-ftehim kollu kien ħadma. Metsola sostniet li “Hemm wisq mistoqsijiet bla tweġiba, wisq koinċidenti suspettużi, wisq akkużi ta’ korruzzjoni, wisq affarijiet fil-mudlam, biex dan il-ftehim ikompli għaddejj mingħajr skrutinju sħiħ u pubbliku."
L-MPE żiedet tgħid li meta għajnejn l-Ewropa jkunu fuq Malta, Gvern responsabbli għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex juri li m’għandu xejn x’jaħbi. Qalet li Muscat qed jagħżel li jkompli jaħbi u jiddefendi lil Vitals Global Healthcare minflok l-interess nazzjonali.