Bżonn ta’ inqas burokrazija mill-Gvern u l-aġenziji tiegħu – MDA

L-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin qalet li hemm bżonn aktar effiċjenza u inqas burokrazija mill-Gvern u l-aġenziji tiegħu jekk verament irid jgħin lin-negozju lokali jirkupra mill-COVID-19.

Filwaqt li nnutat ix-xogħol li qed isir biex in-negozji jibqgħu ħajjin waqt il-pandemija tal-coronavirus, l-MDA sostniet li d-dipertimenti tal-gvern, l-entitajiet differenti u l-kunsilli lokali messhom qed jiffaċilitaw aktar il-proċessi milli jagħmluha aktar diffiċli biex negozju jkompli għaddej bl-operat tiegħu.

Fi stqarrija, l-MDA qalet li rċeviet rapporti fejn kien hemm min qal li ntalab jipprovdi dokumenti eċċessivi għal affarijiet żgħar u rekwiżiti li ma jaqblux bejn entitajiet differenti għall-istess servizz. L-MDA insistiet li hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-entitajiet u l-units fl-istess aġenziji tal-gvern u li jwasslu għal dewmien li mhux neċessarju. L-MDA qalet li din l-istess burokrazija hija preżenti wkoll fejn tidħol l-assistenza tal-miżuri tal-coronavirus.

L-MDA talbet lill-gvern u lill-aġenziji tiegħu sabiex jippruvaw jintroduċu proċessi eħfef għan-negozji biex is-servizz ikun aktar effiċjenti. Ipproponiet li jkun hemm inqas bżonn ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti u użu aktar effiċjent tal-infrastruttura tal-IT.

Qalet li jekk il-pajjiż qed jara li jerġa’ jagħti s-saħħa lill-attività ekonomika, mela jrid jara li titnaqqas il-burokrazija. Qalet li b’dan il-mod, il-pajjiż jirkupra b’mod aktar rapidu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn