Bżonn ta’ iktar programmi għal nies neqsin mis-smigħ – Carmelo Abela

Minister within the Office of the Prime Minister Carmelo Abela attends the launching of initiatives by Public Broadcasting Services on the International Day Commemorating Sign Languages

Fil-ġurnata li tippromwovi l-Jum Internazzjonali tal-Lingwi tas-Sinjali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, , ħabbar li l-ministeru, b’kollaborazzjoni mal-PBS ser iniedi kampanja ta’ informazzjoni bl-għan li tqarreb il-lingwa tas-sinjali bil-Malti lejn il-pubbliku ġenerali. Il-kampanja qed issir ukoll b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ u mal-Kunsill Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Il-Ministru Abela qal li wasal żmien li tibda diskussjoni biex il-midja trid tiġi mħajra li s-servizzi tagħhom bil-mod il-mod isiru aċċessibbli għal persuni b’nuqqas ta’ smigħ, u kif jistgħu jiġu mgħejuna sabiex jagħmlu dan.

Żied jgħid kif issa jmiss li min-naħa tal-PBS se jkun hemm enfasi fuq li jsiru iżjed programmi aċċessibbli għal dawk li jikkomunikaw bil-lingwa tas-sinjali, inkluż fi programm ta’ ġrajjiet kurrenti. Huwa fakkar li l-PBS diġà jxandar l-aħbarijiet tas-sitta bil-lingwa tas-sinjali u li kien strumentali biex xandiriet importanti bħall-Baġit u l-aġġornamenti dwar l-imxija tal-COVID jaslu għand il-pubbliku f’din il-lingwa.

Tkellem ukoll dwar kif jixtieq jara iżjed persuni jaqbdu karriera fil-qasam tal-interpretazzjoni tas-sinjali. Hawn huwa qal li huwa infurmat li 12-il persuna qed issegwi kors tal-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali fl-Università, b’ħamsa minnhom impjegati ma’ aġenzija tal-Gvern.

Huwa qal ukoll li mill-ħarifa, il-PBS se jkompli bl-aħbarijiet bil-lingwa tas-sinjali fis-sitta ta’ filgħaxija u se jkun qed jitnieda wkoll servizz ieħor ġdid bil-lingwa tas-sinjali. Il-program Insights, kull nhar ta’ Ġimgħa fl-10:30pm se jkun qed isir b’interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali.