Bżonn ta’ iktar nisa diretturi biex isalvaw id-dinja

Studju ġdid jgħid li iktar nisa f’karigi ta’ poter fl-industrija jistgħu jgħinu biex isalvaw id-dinja. L-istudju mill-Università ta’ Auckland sab li kumpaniji kbar li jkollhom bilanċ bejn nisa u rġiel fil-bord tad-diretturi kienu f’pożizzjoni aħjar biex jipproteġu l-ambjent, minn kumpaniji ddominati mill-irġiel. Il-kumpaniji b’iktar nisa diretturi kellhom tendenza inqas li jitressqu l-qorti dwar ksur ta’ liġijiet tal-ambjent.

Ir-riċerkaturi jissuġġerixxu li n-nisa jitrabbew biex jagħtu każ iktar l-oħrajn u dan ifisser li hemm tendenza li jagħtu appoġġ akbar lil politika li tippromwovi l-ħarsien tal-ambjent. Il-kawżi fil-qrati dwar nuqqas ta’ ħarsien tal-ambjent jinkludu l-kontaminazzjoni tal-ilma b’materjal tossiku u li kumpanija tippermetti l-ħruġ ta’ gassijiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

L-Università ta’ Adelaide studjat 1,893 kawża kontra 1,500 kumpanija kbira fl-Istati Uniti bejn l-2000 u l-2015. Il-lista tinkludi il-ġganti Amazon, Apple, Facebook, Microsoft u Google. Ir-riċerka sabet li, għal kull mara iżjed fil-bord tad-diretturi, il-medja tal-kawżi fil-qrati kontra l-kumpanija naqsu b’1.5%. L-ispiża ffrankata minn kawża fil-qorti tammonta għal madwar €2.4miljun għal kull direttur mara.

Riċerka oħra kienet uriet li nisa fi rwoli eżekuttivi huma inqas kunfidenti żżejjed u iktar komdi jfittxu parir tal-esperti mill-irġiel fl-istess rwol. Ir-riċerkaturi jargumentaw li iktar ma jkun hemm diversità fil-bord tad-diretturi, id-deċiżjonijiet kollettivi jkunu aħjar għax jinkludu varjetà ta’ perspettivi.

L-awtriċi tal-istudju Dr Chelsea Liu qalet li l-konklużjonijiet tal-istudju jistgħu joffru appoġġ għal regola li jkun hemm bilanċ fil-bordijiet tad-diretturi tal-kumpaniji fl-industrija privata. Il-kumpaniji jistgħu jagħżlu dan il-bilanċ b’mod volontarju għax jafu li l-kawżi fil-qrati jistgħu jiswewhom ħafna flus u jista’ jonqos il-valur tal-ishma.