Bżonn ta’ iktar infurzar tal-miżuri mill-awtoritajiet tas-saħħa – PM

Pm kamra tal-Kummerċ
Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li għandu jkun hemm infurzar b’saħħtu fil-miżuri kollha li jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa iżda huwa importanti li l-pajjiż jibqa’ miftuħ għan-negozju.

Il-Prim Ministru qal dan waqt laqgħamar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni għall-Baġit 2021. Abela qal li l-baġit li se jkun qiegħed jitħabbar it-Tnejn li ġej se jkun qiegħed jindirizza l-isfida tal-lum imma anke tal-futur.

Abela żied li ekonomija b’saħħitha hija kruċjali biex il-gvern ikun jista’ jsaħħaħ diversi oqsma bħas-saħħa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u l-pensjonanti.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li l-budget għas-sena d-dieħla għandu jkun il-bażi tal-għaxar snin li ġejjin u se jkunu mibnija fuq il-viżjoni li nieda l-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fix-xhur li għaddew.

Xuereb ppreżenta wkoll 121 proposta għall-baġit biex fost oħrajn jiddirezzjonaw lill-privat biex jagħmel l-investimenti meħtieġa li jwasslu għall-viżjoni li ħabbar il-gvern f’diversi oqsma.

Il-Prim Ministru f’laqgħa mal-UĦM

Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers. Huwa qal li l-Gvern jinsab impenjat biex fil-baġit għas-sena d-dieħla jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Abela qal li jaqbel ma’ ħafna mill-proposti mressqa mill-UĦM,  fosthom il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali, u żid li l-gvern għandu ruħ soċjali.

Abela assigura li din hija waħda mill-proposti ewlenin li jixtieq jara li tiġi implimentata għax toħloq sens ta’ ġustizzja bejn il-ħaddiema nfushom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella tkellem dwar bosta mid-89 proposta li l-union ressqet għall-budget u li jkopru 21 tema.