Bżonn ta’ iktar infurzar fil-finanzjament tal-Partiti – PD

Wara li l-midja lokali rrapurtat li żewġ membri tal-Partit Nazzjonalista fittxew sponsorjar għall-attività mingħand Yorgen Fenech , is-sid ta’ 17 Black, il-Partit Demokratiku qal li hemm bżonn riforma fil-liġi ta’ finanzjament tal-partiti kif ukoll reġistru għall-lobbyists.

Fi stqarrija l-Partit Demokratiku qal li l-politika mhux negozju u l-għan tagħha huwa s-servizz pubbliku għalhekk il-partiti politiċi m’għandhomx jiddependu mid-donazzjonijiet tal-ebda persuna li għandha interessi oħra. Il-kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia saħaq li dan huwa dmir tal-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi li jara li dan iseħħ.

Id-Deputat Kap tal-Partit Demokratiku Tomothy Alden qal l-Kummissjoni Elettorali għandha żżomm rendikont dwar min qed jagħti donazzjonijiet jew jisponsorja lil xi ħadd. Huwa qal li għandu jkun hemm finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat u taxxa speċifika fuq dawk li fil-preżent qed jiddettaw l-aġenda politika permezz tad-donazzjonijiet tagħhom. Saħaq li hemm bżonn jinqatgħu l-ħbula tal-pupazziera.

Il-kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew Anthony Buttigieg qal li l-Kummissjoni Elettoratli għandha rwol ta’ Imħallef, ġurija u din għandha timplimenta d-deċiżjoni tagħha stess. Qal li l-Qorti kostituzjonali sfidat dan il-proċess għax il-Kummsisjoni hija magħmula minn rappreżentanti taż-żewġ partit l-kbar biss.