Bżonn ta’ iktar donazzjonijiet tad-demm

Hekk kif fi ftit tal-jiem oħra se jerġa’ jingħata bidu għal sessjonijiet intensivi ta’ operazzjonijiet tal-iskoljożi fuq għadd ta’ adoloxxenti, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jitlob għal aktar donazzjonijiet tad-demm.
Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa jiftaħ kuljum bejn it-8am u s-6pm.
Nhar il-Ħadd, il-Mobile Blood Donation Unit se jkun fi Pjazza Medjatriċi f’Ħaż-Żabbar, bejn it-8.30am u t-3pm. Sa nofsinhar, professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja se joffru servizzi relatati mas-saħħa, fosthom kejl tal-pressjoni u l-livell ta’ zokkor fid-demm.
F’Għawdex, is-sessjoni li jmiss se tkun nhar it-Tlieta bejn is-1pm u l-5pm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Hu importanti li wieħed jieħu miegħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti. Possibilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.