Bżonn ta’ għalliema u għalliema supplimentari fl-iskejjel tal-istat

Bħalissa, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed ifittex persuni li jixtiequ jidħlu għall-karriera ta’ għalliem jew għalliem supplimentari mal-iskejjel tal-istat. Dan tħabbar permezz ta’ avviż fil-gazzetta tal-Gvern u anke permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Fil-Gazzetta tal-Gvern ippubblikata lbieraħ kien hemm spjega dettaljata tad-diversi suġġetti li għalihom se jkun hemm reklutaġġ, kif ukoll ir-rekwiżiti u l-proċess tal-applikazzjoni. Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Frank Fabri, se jkun qed jilqa’ applikazzjonijiet għal 84 pożizzjoni u suġġetti differenti kemm fi skejjel primarji, kif ukoll dawk sekondarji u post-sekondarji.

Fost il-pożizzjonijiet hemm dawk fi snin bikrin, fl-edukazzjoni Primarja fejn jidħlu għalliema ġenerali u dawk għall-programm ta’ induzzjoni għall-immigranti. Fejn tidħol edukazzjoni Sekondarja, fost l-għalliema li hemm bżonn hemm dawk tal-Ingliż, Malti u Matematika, iżda wkoll għal suġġetti oħrajn bħaċ-Ċiniż, Żfin, Media Literacy, Reċtar u diversi oħrajn. Fejn jidħlu għalliema għall-Edukazzjoni Postsekondarja hemm bżonn għalliema f’diversi suġġetti inkluż l-Accounting, l-Għarbi, l-Arti u l-Bijoloġija fost diversi oħrajn.

Ġie spjegat li jekk għalliem jintgħażel biex jibda jaħdem fl-iskejjel tal-Gvern, hu se jingħata perjodu ta’ prova ta’ sena, fuq bażi indefinita full-time u suġġetta għar-regoli u r-regolamenti li jirregolaw minn żmien għal żmien is-Servizz Pubbliku ta’ Malta u l-Ministeru għall-Edukazzjoni. L-għalliema jaf ikunu suġġetti għal ċaqlieq skont il-bżonnijiet tas-Servizz.

Intant, dawk l-applikanti li jintagħżlu sal-1 ta’ Settembru tal-2020 u li ma temmewx b’suċċess il-kors għal kwalifika tat-tgħalim minħabba re-sits se jkollhom il-perjodu ta’ prova estiż kif meħtieġ. Ġie spjegat li meta jkun hemm vakanza temporanja, il-Ministeru jista’ jingaġġa għalliema fuq bażi definita, sal-aħħar tas-sena skolastika 2020/2021. Malli l-persuna taċċetta tibda tissejjaħ Għalliem Temporanju.

Il-paga minima ta’ għalliem fuq skala ta’ salarju 9, fl-2020, huwa dak ta’ €21,933 fis-sena. Għalliem huwa intitolat għall-allowances ta’ Għalliem u Work Resources skont il-ftehim iffirmat bejn il-Gvern u l-Għaqda tal-Għalliema ta’ Malta fil-21 ta’ Diċembru, 2017.

Is-salarju marbut mal-post ta’ Għalliem huwa marbut ma’ skala tas-salarju 9 jitla’ b’żieda annwali ta’ €447.33 sa massimu ta’ €24,617.00. Dan is-salarju huwa supplementat bi Class Allowance ta’ €1,998 fis-sena flimkien ma’ Fond ta’ Work Resources ta’ €553 fis-sena.

Ġie spjegat li persuna fil-grad ta’ Għalliem titla’ fi Skala ta’ Salarju 8 (€26,279.00) wara tmien snin

servizz sodisfaċenti fil-grad, u titla’ fi Skala ta’ Salarju 7 (€28,081.00) wara tmien (8) snin oħra servizz sodisfaċenti fil-grad, ta’ Skala ta’ Salarju 8. Tista’ titħaffef il-progressjoni ta’ Għalliem għal Skala ta’ Salarju li jmiss, minn tmien snin għal sitt snin, jekk għalliem jiġbor f’daqqa 360 siegħa ta’ taħriġ rikonoxxut ta’ Żvilupp Kontinwu Professjonali (CPD), li jkun imfittex minnu, fuq medda ta’ sitt snin.

Dan dment li jekk dan it-taħriġ ta’ CPD imfittex minnu huwa kkumpensat minn progressjoni mgħaġġla, kwalunkwe kwalifika li tinkiseb minn dawn issigħat ma jerġax jiġi kkumpensat minn kwalunkwe forma ta’ qualification allowance.

L-ewwel data tal-għeluq għal dawn l-applikazzjonijiet hija t-Tnejn 4 ta’ Mejju.